Għaddiet ‘il fuq minn sena u ħadd ma jaf kif borża ta’ evidenza li kellha kopja tal-mowbajl tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia spiċċat infetħet.
L-espert imqabbad mill-Qorti, l-avukat Martin Bajada, kkonferma dan fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-imprenditur Yorgen Fenech li qed jistenna li jgħaddi ġuri b’rabta mal-assassinju ta’ Caruana Galizia.
Huwa qal lill-Qorti li l-evidenza ma baqgħetx kif ħalliha hu filwaqt illi tenna li ma jafx min seta’ mess din l-evidenza. Huwa spjega li xi ħadd qatta’ l-basket minn taħt, u wara għalqu bi stapler.
Intant….il-process, bħalissa, jinsab fil-punt fejn żewġ esperti tal-Qorti jridu jaraw l-emails kollha mibgħuta lil Daphne Caruana Galizia u jqabbluhom mal-istejjer li kienet tippubblika fuq is-sit tagħha; bil-għan li jidentifikaw jekk kienx hemm xi theddid fil-konfront tagħha.
Imbagħad l-informazzjoni li tagħti indikazzjoni għal identità ta’ sors trid titneħħa – fost l-oħrajn l-indirzz elettroniku jiġi ridott kif ukoll informazzjoni fl-email li tista’ twassal għall-identità.
Mistoqsi sabiex jagħti indikazzjoni ta’ meta se jkun lest dan il-proċess Bajada qal li x’aktarx jikkonkludu lejn l-aħħar ta’ Frar u l-bidu ta’ Marzu. Hawnhekk l-espert spjega li din hija sitwazzjoni delikata ħafna għaliex iridu jaċċertaw li ma tħassret l-ebda evidenza mill-kopja tal-mowbajl li kien hemm fil-borża tal-evidenza.
Iżda qabel ma jibdew dan il-proċess delikat l-esperti qed jistennew direzzjoni mill-Qorti u għalhekk il-Maġistrat Rachel Montebello li qed tippresjedi il-kumpilazzjoni mistennija tagħti l-verdett tagħha wara li tkun semgħet is-sottomissjonijiet kollha.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella, Danika Vella u Godwin Cini mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li għad-difiża qed jidhru l-avukati Gianluca Caruana Curran, Charles Mercieca u Marion Camilleri.
L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile.
//= $special ?>