Futbol Sport

Futbol Taljan: Milan isalvaw punt fl-aħħar minuti

(Ritratt: EPA)

Wirja deludenti minn Milan kontra t-tim tal-qiegħ Salernitana bir-Rossoneri jevitaw it-telfa b’goal fl-aħħar minuti tas-sostitut Jovic.

Milan bdew tajjeb u kollox deher faċli meta Tomori skorja bir-ras mill-viċin.

Iżda Salernitana ħadu l-kontroll tal-logħba u Fazio b’daqqa ta’ ras stupenda kiseb il-goal tad-draw u fit-tieni taqsima Candreva poġġa lil Salernitana fil-vantaġġ.

Meta kollox deher mitluf wasal il-goal tad-draw ta’ Jovic fid-90 minuta.

Fil-logħbiet l-oħra Fiorentina rebħu f’Monza b’goal ta’ Beltran wara seba’ minuti.

Lazio rebħu għand Empoli 2-0 b’goal f’kull taqsima ta’ Guendouzi u Zaccagni.

Rebħa oħra barra minn darhom kisbu Genoa kontra Sassuolo 2-1.

Fil-logħbiet tal-lum Inter m’għandhomx ifallu u jżommu l-vantaġġ li għandhom fuq Juventus li jinsabu fit-tieni post.

Inter illum ikunu f’San Siro u jospitaw lil Lecce fejn it-tim ta’ Simone Inzaghi m’għandux ifalli milli jikseb it-tliet punti minn dan il-konfront.

Inter kienu sorprendentement eliminati mill-Coppa Italia fost il-ġimgħa meta kienu megħluba minn Bologna wara l-ħin barrani f’San Siro.

Minbarra l-eliminazzjoni Inter tilfu wkoll lill-attakkant prolifiku Lautaro Martinez li mistenni li jirritorna fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida.

Juventus jippruvaw iżommu l-kuntatt mal-leaders meta jmorru għand Frosinone, it-tim li fost il-ġimgħa ħoloq sensazzjoni meta rebaħ 4-0 kontra ċ-champions Napoli fil-Coppa Italia.

Għal Juventus din tista’ tkun logħba riskjuża għaliex Frosinone jilagħbu wkoll futbol sabiħ.

Programm

Ilbieraħ

Empoli v Lazio 0-2

Sassuolo v Genoa 1-2

Monza v Fiorentina 0-1

Salernitana v Milan 2-2

Illum

12:30 Frosinone v Juventus

15:00 Bologna v Atalanta

15:00 Torino v Udinese

18:00 Inter v Lecce

18:00 Verona v Cagliari

20:45 Roma v Napoli