Fl-aħħar sigħat komplew l-attakki fil-Medda ta’ Gaza fejn l-awtoritajiet qed jgħidu li fl-aħħar attakki tal-anqas 200 Palestinjan tilfu ħajjithom dan filwaqt li ‘il minn 350 persuna oħra ġarrbu l-ġrieħi.
Rapporti qalu li kien hemm attakk fuq binja f’Gaza kif ukoll f’kamp tar-refuġjati. U għalhekk dan ifissier li mill-bidu ta’ dan il-kunflitt ‘il fuq minn 20,000 persuna tilfu ħajjithom f’Gaza u 1,200 tilfu ħajjithom f’Iżrael.
Apparti minn hekk, il-grupp Hamas tilef il-kuntatt ma’ grupp li kien responsabbli minn 5 ostaġġi Iżraeljani f’Gaza. Kelliem għall-Hamas qal li x’aktarx dawn il-5 ostaġġi inqatlu wara raid mill-Iżraeljani. L-aħħar rapporti qed jindikaw li baqa’ madwar 100 ostaġġ fit-territorju.
Aktar kmieni s-Sibt filgħodu il-Forzi tad-Difiża tal-Iżrael qalu li huma responsabbli minn numru ta’ attakki fuq il-Hezbollah li jinsabu fit-territorju tal-Libanu. Intqal li l-attakki saru fuq infrastrutturi terroristiċi kif ukoll fuq żona militari.
Intant, il-belt ta’ Betlehem tinsab nieqsa mit-tiżjin tal-Milied b’diversi persuni jgħidu li huma impossibli li jkun iċċelebrat il-Milied meta qed isir dan il-ġenoċidju fejn eluf ta’ persuni tilfu ħajjithom.
U għalhekk din is-sena il-belt ta’ Betlehem tinsab siekta bil-ftit nies li fadal qed jitolbu għal waqfien mill-ġlied. Rapporti qalu li anke waqt il-perjodu tal-pandemija l-Belt ta’ Betlehem kienet tara t-turisti iżda issa nbidel kollox.
Għal din is-sena il-Milied mhux se jkun iċċelebrat fit-toroq ta’ Betlehem iżda se ssir biss il-quddiesa fejn ħaġa li spikkat f’Knisja partikolari huwa Ġesù Bambin qalb it-tifrik bil-għan li jitwassal il-messaġġ ta’ sofferenza li għaddejjin minnu n-nies ta’ Gaza f’dan il-perjodu tal-Milied.
//= $special ?>