Matul il-jum tas-Sibt saret id-donazzjoni annwali mill-Partit Nazzjonalista għal Puttinu Cares fejn għal ħames sena konsekuttiva taw rigali lit-tfal morda bil-kanċer.
Żmien il-Millied hu żmien l-għaqda u l-ferħ u b’hekk m’hemm xejn isbaħ milli tara tbissima fuq it-tfal li jkunu għaddejin minn żmien diffiċli f’ħajjithom.
Quddiem l-Isptar tal-Onkoloġija ġiet ippreżentata d-donazzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista, b’din id-donazzjoni saret bis-saħħa tal-avveniment ‘Misraħ il-Millied’ fejn kull sena waqt din l-attivita n-nies li jkunu preżenti iħallu r-rigali. Imbagħad dawn ir-rigali propju jingħataw lit-tfal li jinsabu l-isptar f’dan il-perjodu ta’ festi.
F’kummenti ma’ Net News mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista AnnMarie Grech tkellmet fuq l-iskop ta’ din l-inizjattiva filwaqt li saħqet fuq l-importanza li f’dawn iż-żminijiet naħsbu f’dawk li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli.
Minn naħa tagħha l-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri saħqet fuq il-valur sentimentali ta’ dawn ir-rigali li jingħataw it-tfal li meta jaraw dan ir-rigali jkollhom tbissima imprezzabbli fuq wiċċhom.
Intant Angele Cuschieri qalet li l-ħidma ta’ Puttinu Cares għaddejja bla waqfien hekk kif bħalissa qed issaħu l-operat tagħhom fl-Ingilterra bil-bini ta’ aktar appartamenti f’Londra bil-għan li jkomplu jgħinu aktar pazjenti li jkollhom bżonn il-kura barra minn xtutna.
Prezenti għal din id-donazzjoni flimkien mal-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista AnneMarie Grech kien hemm ukoll il-koordinatur ta’ Misraħ il-Millied Robert Cutajar.
//= $special ?>