Ninni, la tibkix iżjed, ninni Ġesù Bambin
Dawn in-noti tal-għanjiet tradizzjonali tal-Milied qed jidwu madwar it-toroq tal-ibliet u l-irħula f’Malta u Għawdex, fejn f’dawn il-jiem saret il-purċissjoni tradizzjonali bix-xbieha ta’ Ġesù Bambin.
Din il-purċissjoni, mibdija minn San Ġorġ Preca ftit aktar minn mitt sena ilu, illum il-ġurnata ssir f’66 lokalità – u f’ħames postijiet oħra madwar id-dinja.
L-ewwel purċissjoni bil-Bambin kienet saret fl-1921 fil-Ħamrun; u nibtet minn xewqa li kellu San Ġorġ Preca li jiċċelebra l-Milied b’xi ħaġa speċjali biex kulħadd jifraħ bit-twelid ta’ Ġesù tarbija.
Il-purċissjoni, li tissejjaħ ukoll id-dimostrazzjoni tal-Milied, kull sena tiġbed lejha mijiet ta’ nies li jakkumpanjaw ix-xbieha tal-Bambin fil-maxtura – li tintrefa’ minn żgħażagħ u tfal, akkumpanjati minn fanali mdawlin u kant tal-għanjiet tal-Milied.
Wara l-purċssjoni jsir programm ta’ kant, il-prietka tradizzjonali tat-tifel, djalogi u anke poeżiji. U hi drawwa li jittella’ presepju għal dawk li jkunu attendew għall-purċissjoni; filwaqt li tingħata qagħqa tal-għasel lil kulmin ikun ħa sehem fid-dimostrazzjoni tal-Milied.
//= $special ?>