Futbol Sport

Manchester City jġibu fix-xejn lil Fluminese biex jirbħu t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs

(Ritratt: EPA)

Manchester City kienu tajbin wisq u kemxejn ixxurtjati meta kontra Fluminense fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs rebħu 4-0 u ħadu l-ħames titlu fl-2023.

City skorjaw wara biss 40 sekonda biex għamluha partita nieqsa mit-tensjoni. Julián Álvarez kien fil-post preċiż biex skorja wara li xutt ta’ Nathan Aké stampa mal-lasta.

Awtogowl fis-27 tal-captain ta’ Fluminense Nino iddeċieda l-logħba ferm qabel il-gowl ta’ Phil Foden fit-72, li skorja wara pass ta’ Álvarez f’xibka miftuħa. Álvarez reġa’ laqat fit-88.

Għal Manchester City dan kien l-ewwel titlu tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs u għall-Ewropa s-16-il suċċess fi 17-il edizzjoni tal-kompetizzjoni tal-FIFA għaċ-champions kontinentali.

City rnexxielhom jiksbu t-tieni rebħa faċli f’erbat ijiem kalmi fl-Arabja Sawdija anke mingħajr is-superstars midruba Erling Haaland u Kevin De Bruyne, li tilfu wkoll ir-rebħa tas-semifinali ta’ City kontra Urawa Red Diamonds nhar it-Tlieta.

L-assenzi tagħhom jistgħu jgħinu biex jispjegaw is-siġġijiet vojta fost folla ta’ 52,601 fil-King Abdullah Sports City, l-istadium ta’ Jeddah li huwa ppjanat li jintuża fit-Tazza tad-Dinja tal-2034.

Ir-rebħa għamlet lil Pep Guardiola l-ewwel kowċ li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs bi tliet timijiet differenti. Mexxa lil Barcelona għat-titli fl-2009 u fl-2011, imbagħad lil Bayern Munich fl-2013 ma’ tim li rebaħ iċ-Champions League taħt il-kowċ li spiċċa barra Jupp Heynckes.

Fil-logħba għat-tielet u r-raba’ post li ntlagħbet iktar kmieni kien hemm is-suċċess tal-Eġizzjani Al Ahly, champions tal-Afrika li għelbu liċ-champions tal-Asja Urawa tal-Ġappun 4-2.