Żmien il-Milied żgur ma jkunx komplut mingħajr l-ikla tradizzjonali propju f’Jum il-Milied. Hekk kif ninsabu ftit jiem bogħod mill-Milied diversi familji diġa’ jkunu bdew bil-preparamenti għall-ikla li jagħmlu fi djarhom.
Gwen Gravina li għad għandha biss ħdax-il sena għandha passjoni għat-tisjir u b’mod speċjali f’dan iż-żmien ta’ festi flimkien ma’ ommha tħobb tħejji menu mill-aktar kreattiv u varjat għal dak li jkunu mistiedna għall-ikla tal-Milied.
F’intervista ma’ Net News Gwen spjegatilna l-proċess tagħha sabiex tħejji ikla tal-Milied – fejn dawk li jkunu mistiedna żgur u mhux forsi se joħorġu b’żaqqhom mimlija. Gwen qaltilna li tibda taħseb fil-menu tal-Milied minn Ottubru kif ukoll li dawn l-ikliet jirrikjedu ħidma kbira.
Barra minn hekk, Gwen qaltilna li għar-riċetti tagħha tieħu ispirazzjoni mill-kotba kif ukoll mill-midja soċjali iżda f’kull riċetta li tagħmel titfa’ wkoll l-ideat tagħha. Għaldaqstant Gwen esprimiet li hija l-hena tagħha li torganizza dawn l-ikliet għaliex dak kollu li tagħmel…tagħmlu minn qalbha.
Gwen qaltilna wkoll li t-tisjir jibda minn tlett ijiem qabel dan hekk kif kollox ikun ippreparat bl-akbar reqqa.
Hija spjegat li kull ikla jkollha menu b’ikel differenti dan sabiex ikun hemm l-element ta’ varjetà. Iżda apparti l-ikel Gwen tħejji wkoll menu b’għażla ta’ deżerti u ma jonqosx iċ-ċikkulatini ma’ bela’ te jew kafè.
Gwen esprimiet magħna li minn età żgħira kienet tħobb tgħin lil ommha fil-kċina iżda l-passjoni tagħha kibret wara l-feedback tajjeb li kellha wara li tellgħet filmat ta’ riċetta fuq il-midja soċjali. Bil-filmat tant kiseb popolarita li Gwen fetħet paġna fuq il-midja soċjali fejn qed tkompli xxerred l-ideat tagħha.
Intant din is-sena Gwen tat ukoll donazzjoni ta’ €1,800 lil Puttinu Cares wara li għamlet xejn anqas minn 65 kejk bil-flus kollha marru għal din donazzjoni. Hija rringrazzjat lil dawk kollha li xtraw kejk għaliex bil-ġenerożità tagħhom inġabret din is-somma sabiħa.
//= $special ?>