Lokali

Ġimgħat impenjattivi għall-industrija tal-catering

Hekk kif bosta bħalissa qed igawdu l-familja tagħhom għal żmien il-Milied, il-ħaddiema fl-industrija tal-catering ikunu impenjati iħejju għall-ikliet u l-festini ta’ dawn il-jiem ta’ festa.

NetNews matul l-ġurnata ta’ lejliet il-Milied, żar lukanda rinomata f’pajjiżna fejn kienu għaddejjin it-tħejjijiet għall-ġurnata tant mistennija tal-Milied. Hemmhekk stajna naraw l-aħħar tħejjijiet u preparazzjonijiet, fosthom għal-ikel li huwa sinonimu ma’ dan iż-żmien.

Roderick Vella, ic-Chef Eżekuttiv ta’ din il-lukanda, tkellem ma’ NetNews fejn spjega illi dawn iż-żminijiet jirrikjedu ħafna preparamenti li ma jikkonsistux biss mal-ikel imma anke mal-loġistika.

Ic-Chef spjega kif minkejja l-qofol tal-festi jintlaħaq matul dawn il-jumejn, il-preparamenti għal din il-ġimgħa jibdew ġimgħat qabel.

It-tħejjijiet f’dawn il-ġimgħat jilħqu l-qofol tagħhom mhux biss fi żmien il-Milied imma anke matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena hekk kif bosta jfittxu illi joħorġu jieklu mal-familji tagħhom f’ristoranti u anke lukandi varji.