Għadd ta’ familji Maltin u Għawdxin jinsabu għaddejjin bl-aħħar preparamenti sabiex jilqgħu qraba u ħbieb tagħhom fi djarhom għall-ikla tradizzjonali tal-Milied.
Net News żar il-kċina tal-preżentattriċi magħrufa sew mas-segwaċi ta’ Net Television, Liz Said għall-programm tagħha Jekk Jogħġobkom, fejn rajniha tħejji diversi platti varji, din id-darba għal 12-il qarib tagħha li se tkun qed tilqagħhom f’darha għall-ikla ta’ nofsinhar.
Ħafna jagħżlu li jżommu mal-ikliet tradizzjonali, iżda Liz taħseb li tikkuntenta żaqq kull persuna li tkun miġbura mal-mejda, tant li din is-sena għażlet li tagħmel platt magħmul bil-laħam, platt magħmul bil-ħut, u saħansitra platt għal dawk li huma vegan. U ma jistax jonqos il-preparazzjoni tal-ewwel platt u d-deżerta; preparazzjonijiet li jieħdu s-sigħat ta’ tisjir.
Hemm min jagħżel li fil-jum tal-Milied joħroġ jiekol f’xi ristorant jew lukanda, iżda għal ħafna, il-Milied ifisser il-ġabra tal-familja f’dar ta’ xi qarib. U l-għaxqa tagħha li tara lil kull persuna dduq u titpaxxa bl-ikel ferm tajjeb li taf issajjar Liz.
Ġeneralment, il-platt prinċipali tal-ikla f’jum il-Milied jikkonsisti mid-dundjan, tradizzjoni Ingliża marbuta mal-Milied li baqgħet magħna. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, jum il-Milied mhux sempliċiment it-tradizzjonijiet iżda s-sabih tal-ġabra tal-familja li matulu naraw xi ftit lil qraba tagħna li kapaċi nkunu ilna ma naraw għal ġimgħat u xhur sħaħ quddiem il-ħajja maġgħla li qed ngħixu.
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>