Filwaqt li t-truppi Iżraeljani qed jiċċirkondaw il-moħbiet tat-terroristi tal-Ħamas, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden, waqt telefonata lill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, enfasizza fuq il-ħtieġa li l-Iżraeljani jagħmlu minn kollox biex jipproteġu l-ħajjiet taċ-ċivili.
Madankollu, Netanyahu insista mill-ġdid li l-gwerra f’Gaza se tkompli sakemm Iżrael jasal għat-tragwardi militari tiegħu u jelimina t-theddida tat-terroriżmu.
Fl-aħħar sigħat…il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, li hu mmexxi mill-Ħamas, qal li nqatlu ‘il fuq minn 20,000 resident mindu bdiet il-gwerra,fis-7 ta’ Ottubru. F’dawn it-tliet xhur ta’ ostilitajiet, sfaw midruba wkoll madwar 54,000 Palestinjan – bil-kelliema għall-Ħamas isostnu lil-parti kbira tal-vittmi huma nisa u tfal.
It-tmexxija ta’ Iżrael insistiet li qed tieħu l-passi li tista’ biex tevita l-imwiet fost il-popolazzjoni ċivili ta’ Gaza. Iżda, l-Armata qed titfa’ l-ħtija fuq il-Ħamas – fost akkużi li t-terroristi qed jużaw l-iskejjel, l-isptarijiet u r-residenzi tal-familji bħala bażijiet minfejn qed jirreżistu l-avvanzi tas-suldati Iżraeljani.
Fl-istess ħin, sorsi qrib il-qawwiet Iżraeljani ħabbru li nqatlu 14-il suldat fil-ġlied f’Gaza min-nhar il-Ġimgħa ‘il hawn – bl-ammont tat-truppi maqtula f’din il-gwerra issa qabeż il-150.
Il-Prim Ministru Netanyahu ammetta li Iżrael qed ikollu jħallas prezz qares għal din il-gwerra iżda fl-istess ħin, sostna li l-Iżraeljani ma għandhomx għażla oħra ħlief ikomplu jiġġieldu peress li l-eżistenza ta’ pajjiżhom tiddependi mill-eżitu ta’dan il-konflitt.
L-Iżraeljani qalu wkoll li spiċċaw arrestati ‘il fuq minn 700 militant tal-Ħamas mindu s-suldati tagħhom invadew Gaza b’reazzjoni għar-rejds ta’ Ottubru…li fihom tilfu ħajjithom madwar 1,200 persuna.
//= $special ?>