Internazzjonali

Ir-Russja: Eks ġurnalista projbita milli tikkuntesta għall-Presidenza tar-Russja

Eks-ġurnalista li topponi l-gwerra fl-Ukrajna spiċċat ipprojbita milli tikkontesta kontra Vladimir Putin fl-elezzjoni għall-Presidenza tar-Russja li għandha ssir is-sena d-dieħla.

Yekaterina Duntsova, kienet qed taħseb biex tikkontesta bħala indipendenti, bil-ħsieb li tappella lir-Russi li jixtiequ tmiem mill-aktar fis għall-gwerra kontra l-Ukrajna.

Madankollu, il-Kummissjoni Elettorali f’Moska vvutat unanimament biex tirrifjuta l-kandidatura ta’ Duntsova, ftit jiem biss wara li hi kienet ressqet l-applikazzjoni. Il-Kummissjoni qalet li l-applikazzjoni tal-eks-ġurnalista kien fiha għexieren ta’ żbalji, b’Yekaterina Duntsova, issa,  qed taħseb biex tressaq appell quddiem il-Qorti Suprema tar-Russja.

L-elezzjoni għall-Presidenza tar-Russja se ssir f’Marzu li ġej u se tkun l-ewwel elezzjoni mindu l-Armata tal-President Putin invadiet lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.