Lokali

L-Arċisqof Charles Scicluna b’diskors ta’ awgurju għall-Milied

“Din-is-sena aħna u nħarsu lejn l-art imqaddsa nitolbu talba ħerqana għall-paċi u nibku għeluf ta’ vittmi tal-ħruxija tal-bniedem. Aħna nixtiequ nuru s-solidarjetà tagħna ma’ Izrael u l-Palestina u nitolbu sabiex il-Mulej bil-grazzja ta’ dan l-jum qaddis irrattab il-qlub tal-bnedmin”

Dan kien il-messaġġ tal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna fid-diskors tal-awguri tiegħu għall-Milied, fejn tkellem dwar il-gwerra li għaddejja bħalissa bejn Iżrael u l-Hamas …. filwaqt illi talab għall-vittmi kollha li spiċċaw tilfu ħajjithom intortament fil-bumbardamenti.

L-Arċisqof Charles Scicluna għamel referenża għat-talba ta’ ta’ Dun Karm Psaila lill-pajjiżna u tkellem dwar il-ħames teżori li jfasslu s-soċjetà Maltija; id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem.

L-Arċisqof spjega illi d-dehen, li Dun Karm talab għall-ħakkiema, għal min jiggverna u għal min għandu s-setgħa li jagħmel il-liġijiet ….huwa l-għerf, għaqal, integrità; u x-xewqa li wieħed jaħdem b’ġenerożità għall-ġid komuni. Hekk kif it-talba ta’ din is-sena għandha tkun li l-awtoritajiet juru d-dehen fl-istil tal-governanza tagħhom.

Huwa spjega ukoll li għandna nkunu responsabbli ta’ xulxin u li mhux biss naħfru lil xulxin – imma nuru kompassjoni u mogħdija. Dan filwaqt illi tkellem fuq is-saħħa mentali, psikoloġika, spiritwali u fiżika; li mhux biss tagħti futur lilna imma anke lill-pajjiżna.

L-Arċisqof fil-messaġġ tiegħu rrefera għall-għaqda u s-sliem li jwasslu għal armonija soċjali bl-onestà u l-ġustizzja – garanzija ta’ kwalità sabiħa tal-ħajja.

Huwa fakkar ukoll illi fis-sena l-ġdida Malta se tfakkar għeluq is-60 sena minn mindu saret stat indipendenti u 50 sena Repubblika filwaqt li tkellem ukoll fuq kif din is-sena l-Knisja qed tfakkar l-għeluq tat-800 sena minn meta San Franġisk ħoloq l-ewwel presepju fi Greccio.