“L-imħabba lejn il-proxxmu – lejn in-nies – għandha tkun sostnuta bl-atteġġjament tagħna li ntejbu l-kundizzjoni tal-poplu kollu.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fil-messaġġ tal-Milied fejn appella għall-paċi u għall-imħabba fost il-popli kollha, inkluż dak Malti.
“Għandna nibqgħu nagħrfu ntejbu l-imġieba tagħna u nżommu l-affarijiet fil-perspettiva,” qal Bernard Grech. “Biex fl-aħħar mill-aħħar ngħixu tajjeb u aħjar anke wara l-ġranet qaddisa tal-Milied. Dan ifisser li l-Milied ngħixuh is-sena kollha.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-politiċi għandhom dejjem jimxu b’valuri tajba li jagħtu eżempju tajjeb għall-kumplament tal-poplu.
“Il-politika hija għodda nobbli biex biha nagħmlu għas-sewwa u dan għandu jfisser li ma għandniex intebbgħuha aħna stess b’għemilna,” qal Bernard Grech.
U kien għalhekk li wassal messaġġ għal dawk kollha li huma imdaħħlin fil-politika.
“Il-politiċi jridu jidħlu fil-politika bil-għan li permezz tal-istess politika jwettqu l-ġid għall-oħrajn,” qal Bernard Grech. “Dan irridu nagħmluh billi nissieltu biex ikollna Malta Aħjar. Soċjetà Aħjar. Ħajja aħjar.”
Fakkar ukoll kif l-ambjent hu tant importanti li għandna nieħdu ħsiebu.
“L-ambjent li fih qegħdin ngħixu, xejn ma hu ambjent ta’ ċelebrazzjoni,” qal Bernard Grech. “X’solidarjetà hi din jekk ninsew lil min qiegħed ibati? Jekk b’għemilna minflok ngħinu, inkunu qed inxekklu? Il-Milied ma jigix biex nisktu u nżommu s-silenzju.”
Fil-messaġġ tiegħu, Bernard Grech fakkar fil-ħidma minn naħa tal-Partit Nazzjonalista matul din is-sena.
“Matul din is-sena, il-Partit Nazzjonalista wettaq numru ta’ rebħiet għall-ġid tal-poplu Malti,” qal Bernard Grech. “Rebħiet għas-saħħa tagħna Il-politika tagħna qed tkompli twassal li anki mill-Oppożizzjoni qed inwettqu l-bidla li dan il-pajjiż tant għandu bżonn. Ir-rebħiet tagħna, il-ħajja li ntejbu, jew li nissieltu għaliha biex tgħix u nsaħħuha bl-għodda li jwelldu ħajja aħjar f’pajjiżna.”
Bil-Kap tal-PN jappella għal iktar ħidma fix-xhur li ġejjin.
“Il-prinċipji tagħna u ta’ dak li nemmnu għandhom l-aktar punt ta’ tluq b’saħħtu għat-tfassil tal-futur,” qal Bernard Grech. “Il-Milied jispira l-azzjoni tagħna, iżda ma jillimitaniex għal perjodu, u nieqfu hemm.”
//= $special ?>