Lokali Milied 2023

“Ngħożżu l-valur tas-solidarjetà”

Importanti li nkomplu nwettqu fil-prattika l-valur kbir tas-solidarjetà fejn bħala poplu wieħed, għandna obbligu li nieħdu ħsieb lil xulxin.

Dan kien il-messaġġ li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’dan iż-żmien tas-sena meta flimkien mas-Sinjura AnneMarie Grech kien intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon F Living.

Il-Kap tal-PN qal li s-solidarjetà m’għandhiex tkun biss kelma li wieħed jiftakar fiha f’dawn iż-żminijiet biss, dan għaliex is-solitudni ma taffettwax biss lill-anzjani iżda lil kulħadd f’kull żmien tas-sena.

Saħaq li llum il-ġurnata, għalkemm il-flus huma importanti,, huwa daqstant importanti l-ħin liberu li wieħed iqatta’ mal-familja tiegħu.

Il-Kap tal-PN qal li huwa l-obbligu tal-politiċi li jimbuttaw dawn il-valuri, fejn il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-valur tal-familja u tad-djalogu.

Fuq nota personali, Bernard Grech qal li għalih ommu kienet tfisser ħafna imħabba u l-ewwel sors għat-tagħlim tiegħu… fejn tgħallem xi tfisser il-vera mħabba u li tkun altruwist.

Dwar missieru qal li kien persuna ta’ ftit kliem iżda kien dixxiplinat immens; kien dik il-persuna li kien jgħallmu ħafna bl-għemil tiegħu.

Kien hawn fejn faħħar u rringrazzja lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul għas-servizz imprezzabbli li taw lill-ġenituri tiegħu fl-aħħar snin ta’ ħajjithom. Fid-dawl ta’ dan huwa enfasizza l-bżonn li dawn il-ħaddiema jkunu mħarrġa bl-aħjar mod sabiex ikun hemm komunikazzjoni mill-aqwa bejn min qed jagħti s-servizz u min jirċevieh.

Min-naħa tagħha AnneMarie Grech irrakkuntat eperjenzi mill-isbaħ li kellha fit-tfulija tagħha, kif ukoll dwar kif illum il-ġurnata, bħala familja jħobbu jqattgħu il-ħin liberu tagħhom.