Wirja tal-Milied li qed tittella’ f’dawn iż-żminiiet hi dik organizzata mill-Grupp Armar Marija Assunta fil-Maħżen tal-armar biswit il-Bażilika tal-Mosta, li din is-sena qed ifakkar il-25 sena mill-ewwel wirja li saret fl-1998.
Din il-wirja li se tibqa’miftuħa sal-Ħadd 7 ta’ Jannar 2024, hi miftuħa kuljum fost il-ġimgħa mill-5pm sat-8.30pm; Ħdud u festi mill-10am sa nofsinhar u filgħaxija mill-5pm sat-8.30pm.
Tradizzjoni b’saħħitha u antika fil-Mosta hija dik tal-Milied. Minbarra l-funzjonijiet sbieħ li jsiru fil-Bażilika, il-poplu Mosti dejjem kien promotur ewlieni f’pajjiżna ta’ dan iż-żmien tant sabiħ permezz tad-diversi attivitajiet u wirjiet li jsiru u nsibu fil-Mosta.
B’dan is-sens ta’ responsabiltà biex fil-Mosta jissaħħaħ wirt missirijietna, sentejn wara li ġie mwaqqaf il-Grupp Armar Marija Assunta, b’mod naturali, nibet il-ħsieb li għal żmien tal-Milied issir wirja ta’ presepju ġewwa l-maħżen.
Il-grupp ħaseb li jixtri u jgħaqqad sett pasturi maħdumin fi Spanja sabiex ikunu jistgħu jintużaw għall-wirja tal-Milied. Maż-żmien il-wirja ntlaqet tajjeb ħafna u kienu bosta nies u delettanti li bdew iżuruha. Fil-Milied dejjem saret wirja bil-presepju u anke f’postijiet differenti mhux ġewwa l-maħżen biss. Nistgħu nsemmu l-presepju li kien sar fix-xelter ta’ taħt iz-zuntier u ta’ maġenb il-knisja, fid-dar tal-Monsinjur Bartilmew Bezzina u fil-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira.
Mill-2013 ’il quddiem, wara l-proġett kbir u ambizzjuż ta’ ristrutturar li sar ġewwa l-maħżen, il-wirja ħadet forma differenti. Il-maħżen, fejn iqattgħu l-ħin ħafna Mostin jaħdmu u jippreparaw, jinbidel f’sala sabiħa armata kif jixraq b’serjetà kbira. Il-presepju l-kbir, li jsir kull sena mill-membri tal-Grupp, baqa’ l-esebit prinċipali tal-wirja, iżda miegħu, ingħaqdu għadd ta’ presepji oħra żgħar u medji, u diversi esibiti oħra fosthom bambini, pasturi, pittura u affarijiet oħra relatati maż-żmien tal-Milied.
Bi pjaċir u b’sodisfazzjon ninnutaw li ta’ kull sena, il-wirja li kull sena tittella’ mill-Grupp Armar Marija Assunta, qiegħda dejjem iżżid fil-popolarità u saret rinomata mal-poplu Mosti, iżda mhux biss, bosta Maltin u Għawdxin u saħansitra għadd sabiħ ta’ barranin iżuru l-wirja.
Waħda mill-prijoritajiet tal-Grupp hija li bil-mezzi tagħhom, jibqgħu jxerrdu t-tradizzjoni tal-presepju u l-ġrajja tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk, din is-sena filwaqt li bħala Grupp qed infakkru l-25 sena mill-ewwel wirja fl-1998, qed infakkru wkoll it-800 sena minn meta San Franġisk għamel l-ewwel presepju fi Greccio. U minn hawn nibet l-isem tal-wirja ta’ din is-sena: It-Tfajjel ta’ Betlehem.
Insibu li fl-1223 waqt prietka tal-lejl tal-Milied fi Greccio, Franġisku kien libes l-ilbies ta’ Djaknu. B’leħen jidwi u ħlejju beda jkanta l-Vanġelu Mqaddes. Dak il-leħen qawwi u ħelu, ċar u kollu ħlewwa ta’ melodija, għaxxaq lil kulħadd għax-xewqa tas-sema. Imbagħad beda jfisser il-Kelma lin-nies, bi kliem l-aktar ħelu ġabilhom mill-ġdid quddiem għajnejhom it-twelid tas-Sultan Fqir u l-belt ċkejkna ta’ Betlehem. Ta’ spiss meta kien isemmi l-isem ta’ Ġesù Kristu, imħeġġeġ b’imħabba tas-sema, kien isejjaħlu: “it-Tfajjel ta’ Betlehem”, u dak l-isem ta’ “Betlehem” kien ilissnu bħallikieku kien ħoss tal-karba ta’ nagħġa. Kull darba li kien jgħid “it-Tfajjel ta’ Betlehem” jew “Ġesù” kien jilgħaq xufftejh b’ilsienu, kważi biex iduq u jżomm għalih il-ħlewwa kollha ta’ dawk il-kelmiet.
Fil-wirja ta’ din is-sena nsibu esebit presepju kbir statiku maħdum mill-membri tal-grupp kif ukoll presepju ieħor li qed juri xeni mill-annunzazzjoni sal- Epifanija. F’din il-wirja jista’ jara wkoll esebiti presepji oħra li qed ikunu.
ppreżentati lill-pubbliku minn presepiti oħra, kif ukoll vetrini fejn hemm esebiti diversi pasturi u bambini. Il-maġġoranza tax-xogħol kemm tal-presepji kif ukoll tal-pasturi huma xogħol ta’ artisti Maltin.
Il-wirja tkun miftuħa kuljum fost il-ġimgħa mill-5pm sat-8.30pm; Ħdud u festi mill-10am sa nofsinhar u filgħaxija mill-5pm sat-8.30pm. Il-wirja tibqa’miftuħa sal-Ħadd 7 ta’ Jannar 2024.
Inħeġġu u nistiednu lill-pubbliku sabiex f’dawn il-ġranet sbieħ tal-Milied jasal wasla sa dan il-maħzen sabiex iżur din il-wirja ta’ tradizzjoni u kultura, u sabiex il-presepju Malti jkompli jiġġedded u jissaħħaħ.
//= $special ?>