Internazzjonali

Ikomplu l-bumbardamenti f’Gaza fil-lejl tal-Milied

Anke f’Jum il-Milied, Iżrael komplew bil-bumbardamenti fuq Gaza, din id-darba fuq il-kamp tar-refuġjati Al-Maghazi fiċ-ċentru tal-istrixxa ta’ Gaza.

Fl-aħħar attakki li saru tal-anqas 100 persuna inqatlu wara attakk mill-ajru minn Iżrael. Dan l-attakk mill-ajru hu fost l-aktar fatali fil-kampanja tal-Iżrael f’Gaza.

Dan seħħ wara li l-Eġittu, li jmiss mal-Medda ta’ Gaza, resqu proposta ġdida għal waqfien mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-Hamas. Il-Ministru tas-Saħħa sostnew ukoll li tliet djar ġew milquta tard il-Ħadd.

Il-proposta tal-Eġittu tikkonsisti minn tliet partijiet. L-ewwel parti tappella għal pawża umanitarja ta’ 10 ijiem bil-Hamas jeħilsu l-ostaġġi ċivili kollha bi skambju għal xi priġunieri Palestinjani mill-ħabsijiet Iżraeljani.

Fit-tieni parti ta’ din il-proposta intqal li l-Hamas ikollom ġimgħa ċans sabiex jeħilsu s-suldati Iżraeljani nisa bi skambju għal iżjed priġunieri u tpartit tal-katavri miżmuma mis-7 ta’ Ottubru.

L-aħħar parti, li ddum għaddejja għal madwar xahar, il-bqija tal-ostaġġi u priġunieri Palestinjani jinħelsu, filwaqt li l-Iżrael jitilqu mill-istrixxa ta’ Gaza u jwaqqfu l-attakki mill-ajru.

Fi żviluppi oħra l-Palestine Red Crescent Society qed jgħidu li l-attakki mill-ajru wasslu għall-għeluq ta’ toroq prinċipali bejn Al-Maghazi u żewġ kampijiet oħra tar-refuġjati, tant li xekklu l-ħidma tal-ambulanzi u timijiet ta’ salvataġġ. U għalhekk xogħolhom huwa ferm aktar diffiċli dan hekk kif it-timijiet ta’ salvataġġ qed idumu ma jaslu fejn dawk in-nies li għandhom bżonn l-kura medika.

S’issa, ‘il minn 20,000 Palestinjani inqatlu, u 54,000 persuna weġġgħu f’Gaza mis-7 ta’ Ottubru li għadda meta faqqa dan il-kunflitt. Dan filwaqt li l-Hamas qatlu 1200 Iżraeljani u ħadu madwar 240 ostaġġi.

Minkejja dan kollu, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-Iżrael se tespandi l-offensiva tagħha fuq Gaza fil-jiem li ġejjin, minkejja l-isforzi internazzjonali sabiex jieqaf il-ġlied, filwaqt li sostna li l-gwerra għadha ferm ‘il bogħod milli tispiċċa kif ukoll saħaq li huma ser ikompli jiġġieldu.