Jum il-Milied – il-ġurnata li fiha il-familji jingħaqdu flimkien u jiċċelebraw il-jum tat-twelid ta’ Ġesù Bambin – ġurnata illi bdiet bil-quddiesa fil-Katidral tal-Imdina, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna, fejn fakkar kif f’dan il-jum tant importanti rridu naħsbu f’dawk li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli b’mod partikolari dawk li għandhom gwerra f’pajjiżhom.
Hawnhekk l-Arċisqof semma’ il-gwerra li għaddejja f’Gaza, biswit l-Art Imqaddsa – fil-post fejn twieled Ġesù Bambin. B’Monsinjur Scicluna jistqarr li d-dinja għandha bżonn il-grazzja u l-verità, għaliex dawk isawwru l-paċi vera.
Apparti minn hekk, Monsijur Scicluna stqarr li kull Milied irid ikun Milied ta’ tama fejn tirrenja l-imħabba. Dan filwaqt li għandna nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù u nieħdu ħsieb xulxin.
F’pajjiżna, Jum il-Milied kien immarkat b’temperaturi mhux daqstant kesħin; u b’xemx għal ħinijiet twal. Għalkemm ir-riħ baqa’ qawwi ferm mill-Majistrall.
Bosta kienu dawk il-familji li organizzaw ikliet fid-djar tagħhom; oħrajn iltaqgħu biex iqassmu r-rigali wara li attendew għaċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru fil-parroċċi.
Il-quddiesa ta’ Jum il-Milied segwiet il-funzjonijiet li saru fil-lejl ta’ qabel, fejn diversi knejjes kienu mimlija nies illi ngħaqdu għal din il-funzjoni tradizzjonali. Bil-qofol ta’ din il-quddiesa tintlaħaq bid-daqq tal-qniepen illi jiċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Qabel il-quddiesa ta’ nofsillejl saret ukoll il-prietka tradizzjonali tal-Milied – użanza li ilha snin twal issir fil-parroċċi u f’diversi lokalitajiet fejn isiru dawn il-funzjonijiet fil-lejl tal-Milied.
//= $special ?>