Għalkemm dawn iż-żminijiet tas-sena huma sinonimi ma’ mumenti sbieh, diversi familji qed jesperjenzaw diffikultajiet liema bħalhom. B’ħafna familji jitkellmu dwar il-piż tal-għoli tal-ħajja u kif kaġun ta’ dan bilkemm qed jirnexxilhom ilaħqu sal-aħħar tax-xahar.
Din is-sitwazzjoni hi ta’ piż ferm akbar għal dawk il-familji li mhux qed jingħataw mediċini intitolati għalihom għax il-Gvern, ġimgħa wara ġimgħa, qed jgħidilhom li l-POYC m’għandiex ammont sostanzjali ta’ mediċini. Din is-sitwazzjoni qed twassal biex il-familji iġorru spejjeż ferm akbar hekk kif qed ikollhom joħorġu l-mijiet ta’ ewro kull xahar biex jixtru l-mediċini meħtieġa.
Fost dawn, omm li tkelmet ma’ Net News qalet kif binha li għandu l-ADHD spiċċa, bla ma jrid, iweġġa’ lil qraba tiegħu hekk kif ma jistax jikkontrolla lilu nnifsu. L-omm qaltilna li mhix qed issib il-mediċina [Atomoxetane] għal din il-kundizzjoni; bil-mediċini li qed jingħataw bħala alternattiva, ma kienux effettivi.
Din is-sitwazzjoni mhix biss fost il-familji iżda anke għal dawk il-pazjenti li jinsabu fl-Isptar Mater Dei. Fil-fatt, ċertu kimoterapija għal kontra l-kanċer tinsab out-of-stock. Bil-Gvern jixxaħħaħ anke mal-iktar persuni vulnerabbli.
“Il-kimo tellgħatli ġismi kollu raxx u meta kont l-ancology kienu tawni liquid soap biex ninħasel bih.” qal raġel. “Illum il-ġurnata dak il-liquid soap, minfloku qed itina xaħam. Ara x’affarijiet qed itina. Jien wasal fl-estremità, li barra li ma jtinix il-pilloli, qed nixtri wkoll is-sapun.”
Diversi persuni waqt il-programm Issues fuq NET FM qalu li jew jaffordjaw jixtru jew inkella qed jispiċċaw mingħajr il-mediċini. U dan b’detriment għas-saħħa tagħhom.
Apparti minn hekk, numru ta’ residenti f’San Vinċenz ukoll qed jintalbu jixtru l-mediċini.
“Jew għandek flus minn fejn tixtri, jew toqgħod tmut”
“Mela apparti li ma jagħmlulhomx follow up, trid toqgħod tieħdu privat,” qalet mara partikolari. “Tista’ u ma tistax. Aħna pensjonanti u għaddejjin biex jgħollulna l-kera. Jiġifieri tista’ timmaġina kemm qegħdin tajjeb għidlu lil dak il-Ministru li qal li se jagħmlu tajjeb għalina huma.”
“Ix-xahar l-ieħor il-Professur tani mediċina għall-qalb u għax minix dijabetika ma nieħodix b’xejn,” qalet mara oħra. “Jekk tiflah tixtri ixtri, jekk ma tiflaħx oqgħod mut.”
“It-Tramadol trid ir-riċetta l-ħadra biex tixtrihom,” żiedet tgħid mara oħra. “Il-ħelwa hi li bil-flus mhux out-of-stock imma li jieħdu l-anzjani huma out-of-stock.”
Il-Gvern kien wiegħed li l-mediċini saħansitra se jkunu qed jaslu għand il-pazjenti sa wara l-bieb tagħhom. Iżda din mhux talli ma saritx, talli lanqas fl-ispiżerija tal-POYC ma ssibhom; aħseb u ara kemm jiġu f’dahrek stess.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li trattamenti li għandu x’jaqsam mal-onkoloġija għandu jingħata mill-Gvern tal-ġurnata u mhux ikollha tkun il-Malta Community Chest Fund li tittallab għall-fondi. Dan hekk kif il-PN fakkar li mas-saħħa m’hemmx kompromessi.
//= $special ?>