Lokali

39 sena mill-att erojku ta’ Pawlu Cremona

Għaddew kważi 40 sena mill-att erojku ta’ Paul Cremona meta propju fis-26 ta’ Diċembru tal-1984 b’kuraġġ kbir kien rema bomba fuq il-blat wara li nduna li kien hemm individwi li poġġew bomba taħt it-taraġ tal-każin tal-Partit Nazzjonalista f’San Ġiljan.

Ħafna jirrakkontaw kif dakinhar huwa kien ra xi ħaġa suspettuża taħt it-taraġ tal-każin tal-PN.

Cremona ħa r-riskju, u tefa’ l-bomba fuq il-bajja ta’ quddiem il-każin. U ftit minuti wara kienu instemgħu l-ispluzjonijiet li dwew minn San Ġiljan sal-Balluta.

Grazzi għal Pawlu Cremona – li tul is-snin ġie deskritt bħala eroj – diversi ħajjiet ġew salvati u ġiet evitata dik li kienet ser tkun traġedja kbira.

Sfortunatament għalkemm Pawlu Cremona għamel att erojku minħabba is-sitwazzjoni turbolenti ta’ dak iż-żmien huwa spiċċa jiġi investigat mill-Pulizija rigward din l-istess bomba.