Atletika Sport

Atleti minn 70 pajjiż differenti għall-Maratona ta’ Malta

Madwar 1,800 atleta rreġistraw biex jieħdu sehem fil-LifeStar Malta Marathon 2024 li għandha ssir fil-25 ta’ Frar, 2024.

Din se tkun id-39 edizzjoni ta’ dan l-avveniment annwali li beda fl-1986. Fl-ewwel edizzjoni kienu pparteċipaw 109 atleta u n-numru ta’ atleti minn dakinhar kompla jikber kull sena.

L-organizzatur tal-maratona, Joe Micallef qal li n-numru ta’ parteċipanti għat-tiġrija ta’ din is-sena jista’ jitla għal 3,000. Il-parteċipazzjoni Maltija sa issa hija ta’ 525 atleta filwaqt li 120 huma barranin li jgħixu Malta. Sa issa rreġistraw 1,150 atleta li se jiġu Malta apposta għall-Maratona ta’ Malta fejn huwa previst li n-numru ta’ parteċipanti jaqbeż it-3,000.

Redouan Nouiri, ir-rebbieħ tal-Maratona ta’ Malta 2023 li għandu r-rekord tal-korsa ta’ sagħtejn, 13-il minuta u 18-il sekonda, se jkun Malta biex jiddefendi t-titlu tiegħu. Micallef ħabbar li għall-ewwel darba, l-organizzaturi stiednu atleta professjonali mara biex tipparteċipa fil-Maratona ta’Malta. Din hija l-Marokkina Rabab Halbi li għandha l-aħjar personali f-Maratona ta’ sagħtejn, 35minuta u 33 sekonda.

Jemima Farley, ir-rebbieħa tal-kategorija tan-nisa s-sena l-oħra u li għandha rekord tal-korsa, ukoll se tirritorna flimkien ma’ Andrew Grech, l-ewwel atleta Malti fit-tellieqa tal-2023 flimkien ma’ Charles Darmanin, li temm l-edizzjonijiet kollha tal-Maratona ta’ Malta mill-1986.

B’kollox ‘il fuq minn 70 pajjiż se jkunu rappreżentati fil-Maratona ta’ Malta. Mistieden speċjali se jkun l-eks captain tat-tim Nazzjonali Taljan Osvaldo Faustini, Champion tad-Dinja tal-Maratona fl-1987 f’Seoul u midalja tal-fidda fl-1989 f’Milan. Għal preżentazzjoni tal-Maratona ta’ Malta 2024 attendew ukoll Nando Sorbello, Clifton Grima Ministru responsabbli mill-isport u Paolo Catalfamo, Chairman ta’ LifeStar.