Lokali

Ajruplan bil-Maltin fuqu jdur lura wara iktar minn siegħa fl-ajru għax ma għabbewx il-bagalji

Titjira tal-Almasria Universal Airlines li telqet minn Malta għall-ħabta tal-10 am kellha ddur lura lejn pajjiżna wara siegħa fl-ajru bir-raġuni li ngħataw mill-bdot kienet li dawk responsabbli kienu nsew jgħabbu l-bagalji fl-ajruplan.

It-titjira UVL012 kienet sejra lejn Cairo, l-Eġittu meta siegħa wara t-tlugħ, il-bdot qal lill-passiġġiera li se jkollu jdawwar lura minn fejn ġie sabiex jiġbru l-bagalji. It-titjira rritornat lura pajjiżna ftit ħin wara l-11 am.

Filwaqt li t-titjira kellha tasal fid-destinazzjoni tagħha għall-ħabta tat-3 pm, issa, il-passiġġiera se jittardjaw b’sigħat sħaħ u telqet minn pajjiżna għall-ħabta tas-2:15 pm.

Minħabba dan id-dewmien, it-titjira minn Malta mistennija tasal f’Cairo fis-6 pm. Dan filwaqt li t-titjira li kienet skedata li titlaq minn Cairo lejn Malta fl-4:20 pm, issa se tkun qed tasal f’pajjiżna daqs erba’ sigħat tard.