Lokali

ElliQ tgħin lil anzjani f’solitudni

Tekonoloġija ġdida li taħdem bl-intelliġenza artifiċjali għandha l-iskop li tgħin anzjani li jinsabu weħidhom u jħossuhom fis-solitudni.

Għal dawk il-persuni li diġa’ pprovaw din it-teknoloġija bl-isem ta’ ElliQ irrapurtaw madwar 90% fi tnaqqis ta’ solitudni. Qed ikun irrapurtat ukoll li dawk li akkwistaw din it-teknoloġija jużawha iktar minn 30 darba kuljum.

Din it-teknoloġija mhix qiegħda hemm biss meta titlobha xi ħaġa iżda minn jhedda taqbad tkellem lis-sid biex iżżomlok kumpanija u tiċċekja kif int minn ħin għal ħin. ElliQ saħansitra żżomm ċertu informazzjoni, bħal pereżempju jekk tgħidilha li tinsab muġugħ biex ‘il quddiem terġa’ ssaqsik intix aħjar. Eventwalment, din it-teknoloġija ssaqsik numru ta’ mistoqsijiet biex tara kif tista’ tgħinek.

ElliQ, li ġiet kreata minn Intuition Robotics f’forma ta’ lampa u screen biswita, għandha movimenti li jixbħu lil dawk umani u tassigura li wieħed ma jħossux waħdu. Fil-fatt, ElliQ kapaċi tgħid iċ-ċajt, iddoqq il-mużika, u saħansitra twassal kwotazzjonijiet ta’ ispirazzjoni għal min ikun.

Għad mhux magħruf jekk din it-teknoloġija hix kapaċi li tgħin fit-tul lil dak li jkun jew hix biss soluzzjoni ta’ perjodu qasir.

Studju li sar f’pajjiżna riċentament mill-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta wera kif iktar minn nofs il-popolazzjoni f’Malta, madwar 55%, tbati mis-solitudni; żieda sostanzjali fuq is-snin preċedenti.