Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Ma jonqsux l-attakki intensivi fuq Gaza bħala parti minn gwerra fit-tul

L-Uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti  konfermaw li l-attakki tal-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq Gaza ma naqsux mill-intensità matul il-Milied u fis-sigħat sussegwenti. Dan meta Iżrael u daqstant ieħor it-terroristi tal-grupp Ħamas għadhom jirreżistu għall-appelli biex huma jaqblu dwar wafien mill-ġlied temporanju.

Sadanittant, il-kriżi umanitarja f’Gaza laħqet livelli kważi storiċi u meta qed jonqsu t-tamiet għal ħafna pazjenti u midruba fi sptar ewlieni fiċ-ċentru tat-territorju. Dan waqt li s-sorsi qrib l-entitajiet umanitarji tan-NU qed jgħidu li l-pazjenti fl-isptar ta’ Al-Aqsa ma jistgħux jingħataw it-trattament meħtieġ minħabba li l-kumpless – iffullat bil-midruba – ma jistax ilaħħaq mal-ħteġiet ta’ kuljum.

Madankollu, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu mhux beħsiebu jnaqqas mill-attakki kontra l-Ħamas f’Gaza. Fil-fatt, hu tenna li l-kampanja militari attwali ta’ Iżrael għadu ferm ‘il bogħod minn konklużjoni.

Min-naħa tiegħu, Tom White, id-Direttur tal-UNRWA – l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati Palestinjani – qal li l-kriżi umanitarja f’Gaza qed tiggrava ‘ma kull siegħa’. Dan meta fiċ-ċentru ta’ Gaza għad hemm iżolati mal-150,000 persuna li, qabel, irċevew id-direttivi għall-evakwazzjoni mingħand l-Armata ta’ Iżrael.

L-aħħar rapporti mil-Lvant Nofsani referew ukoll għall-attakk tal-Iżraeljani fuq il-kamp tar-refuġjati ta’ Al-Maghazi, fiċ-ċentru ta’ Gaza — u fejn, skont il-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Ħamas, inqatlu talanqas 70 persuna.

Fl-istess ħin, il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani qalu li rċevew ir-rapporti dwar l-inċident fil-kamp ta’ Al-Maghazi. Il-kelliema għall-militar, fl-istess ħin, insistew li l-qawwiet Iżraeljani huma determinati li jirrispettaw il-liġi internazzjonali huma u jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jimminimizzaw l-imwiet ta’ ċivili fil-Medda ta’ Gaza.

Intant, Iżrael qed ikompli jirreferi għall-kumplikazzjonijiet fil-gwerra dovuti għall-Ħamas u li qed iżidu mal-vittmi ta’ din il-gwerra, Dan meta t-terroristi qed jikkonsolidaw il-bażijiet tagħhom qalb iz-zoni taċ-ċivili  huma u jużaw l-iskejjel u d-djar tal-familji biex iwettqu l-kontra-attakki fuq is-suldati Iżraeljani li qed javvanzaw aktar ‘il ġewwa f’Gaza.