Lokali

Imfakkar l-att erojku ta’ Paul Cremona li sfaxxa attentat ta’ bomba f’San Ġiljan fl-1984

Bħal-lum 39 sena ilu, fl-1984, Paul Cremona salva għexieren ta’ ħajjiet, hekk kif innota basket suspettuż taħt it-taraġ fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’San Ġiljan. Paul qabad il-pakkett u ħareġ jiġri jarmih il-baħar, fejn sploda minnufih.

L-att erojku ta’ Paul Cremona salva l-ħajjiet u evita paġna oħra ta’ dalma kbira lil pajjiżna f’dawk iż-żminijiet diffiċli ħafna. Dakinhar, il-partitarji Nazzjonalisti kienu qed jiċċelebraw il-ħatra ta’ Francis Zammit Dimech bħala President tal-MŻPN.

Illum il-Partit Nazzjonalista, fuq inizjattiva tal-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius, fakkar l-att erojku ta’ Paul Cremona bi plakka kommemorattiva fil-promenade ta’ San Ġiljan viċin il-post fejn Paul rema l-bomba.

Fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, Paul hu eroj tal-mixja demokratika ta’ pajjiżna. Tenna li l-eroj tagħna jeħtieġ infakkruhom u niċċelebrawhom, kif ukoll li ma nistgħux ninsew il-passat għax inkella nkunu kkundannati li nerġgħu ngħixuh.

Min-naħa tiegħu, Peter Agius qal li l-inizjattiva li jitfakkar Paul Cremona nibtet bħala parti mill-perkors tiegħu li jitgħallem aħjar l-istorja tal-Partit Nazzjonalista u tal-pajjiż. Hu qal li Paul Cremona salva lil Malta minn paġna mudlama fl-istorja politika tagħna bħala poplu.

Spjega li kif sar jaf bil-ġrajja ta’ Paul Cremona, talab li jiltaqa’ mal-familja, fejn irrealizza li l-att erojku ta’ Paul ma kienx imfakkar biżżejjed u għalhekk, ħa l-inizjattiva li jagħmel il-parti tiegħu biex jitfakkar formalment bi plakka kommemorattiva fil-post fejn Paul salva l-ħajjiet u evita paġna oħra ta’ dalma kbira għal pajjiżna. Illum infakkru lil Paul u nirringrazzjawh.

Preżenti kien hemm ukoll il-familja ta’ Paul Cremona. Warren Cremona fakkar kif missieru Paul kien safa akkużat inġustament mill-Pulizija ta’ dak iż-żmien u kif il-familja tiegħu u dawk qrib ta’ Paul kienu grati għall-kuraġġ tiegħu. Warren Cremona rringrazzja lil Peter Agius u lil dawk kollha li għenu biex il-memorja ta’ missieru tibqa’ mfakkra fil-post tal-ġrajja li mmarkat il-ħajja tal-familja Cremona.

Preżenti għaċ-ċerimonja f’San Ġiljan kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, Uffiċjali tal-Partit, Deputati, kif ukoll is-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli u bosta minn dawk li għexu l-ġrajja tal-att erojku ta’ Paul Cremona.