Internazzjonali

L-Iraq: L-Amerikani jirritaljaw kontra l-milizji alleati mal-Iran

Il-Pentagon tal-Istati Uniti konferma li l-qawwiet tal-ajru tiegħu wettqu sensiela ta’ rejds fuq il-milizzji fl-Iraq li huma sponsorjati mir-reġim fundamentalista tal-Iran. Ir-rejds kienu tweġiba għal attakk, minn grupp tal-milizzji, fuq il-bażi tal-ajru tal-Amerikani f’Irbil u li fih indarbu numru ta’ staff militari.

Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Lloyd Austin, qal li r-rejds ikkonċentraw fuq il-faċilitajiet tal-grupp Kataeb Hezbollah li l-milizzji tiegħu qed jingħataw l-appoġġ kontinwu minn Tehran. L-Amerikani, fl-istess ħin, attakkaw xi entitajiet oħra (fl-Iraq) assoċjati mal-istess grupp tal-milizzji.

Fl-aħħar ġimgħat, żdiedu l-attakki mill-gruppi tal-milizzji fuq il-bażijiet tal-Amerikani fl-Iraq kif ukoll fis-Sirja – u bil- Kataeb Hezbollah qed jeskala l-azzjonijiet ostili.

Lloyd Austin, intant, għamilha ċara li l-Istati Uniti mhix se żżomm lura milli tipproteġi lil niesha u l-faċilitajiet militari fiż-żewġ pajjiżi.