€ 5,279,000 hija s-somma li nġabret waqt il-maratona tal-Istrina 2023, b’risq il- Malta Community Chest Fund – somma li kompliet tiela’ sal-aħħar sekonda waqt it-28 edizzjoni tal-maratona tal-Istrina li baqgħet għaddejja għal 12-il siegħa.
Fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, għaddejja edizzjoni oħra tal-maratona L-Istrina – maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund sabiex tkun tista’ tkompli tgħin nies fil-bżonn.
Il-maratona bdiet f’nofsinhar u se tibqa’ sejra sa nofsillejl – inizjattiva li qed tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha, fosthom Net Television.
Fil-ftuħ tal-maratona, il-President ta’ Malta, George Vella qal li d-donazzjonijiet kollha jmorru għall-mediċini u kura meħtieġa għal diversi pazjenti f’pajjiżna li jkunu qed jikkumbattu l-kanċer u mard ieħor rari. Huwa fakkar kif il-mard tal-kanċer żdied u bil-wisq iżjed ukoll żdiedu l-prezzijiet tal-mediċini. U b’hekk appella l-għajnuna ta’ kull individwu.
Din hi l-aħħar sena li l-President ta’ Malta, George Vella se jkun qed imexxi L-Istrina.
Preżenti għall-ftuħ fost l-oħrajn kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech flimkien ma’ martu AnneMarie Grech. Bernard Grech qal li din hi opportunità fejn wieħed jista’ jagħmel il-ġid. Il-Kap tal-PN qal li matul is-sena niltaqgħu ma’ diversi pazjenti li għalihom alaħares ma tkunx il-Malta Community Chest Fund Foundation fejn jidħlu l-fondi sabiex jingħataw il-kura. Bernard Grech fakkar li kull Malti u Għawdxi jista’ jgħin lil xi ħadd fis-saħħa tagħhom u jgħix aħjar.
Preżenti wkoll l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna fejn qal kif donazzjoni żgħira mhux biss tagħti l-ferh f’qalb min ikun iżda tferrah ukoll dawk il-pazjenti li għaddejjin minn żmien diffiċli. Huwa appella biex għal darb’oħra l-poplu juri kemm hu ġeneruż.
Minn naħa tiegħu, il-Prim Minsitru Robert Abela tkellem dwar l-importanza tal-ġenerożità sabiex it-toqol tat-tbatija ta’ mijiet ta’ Maltin u Għawdxin jintrefa’ wkoll mill-kumplament tal-poplu.
L-Istrina kienet bdiet fl-1995 fuq inizjattiva ta’ Maria Bugeja, pazjenta li kellha l-kanċer, illi offriet li tqaxxar xagħarha waqt xandira diretta fuq it-televiżjoni sabiex jinġabru flus għal dawk li jkunu għaddejin minn mard. Minn hemm, din l-inizjattiva nbidlet fi programm divertenti bis-sehem ta’ diversi personalitajiet distinti, uċuħ popolari fuq it-televiżjoni, xandara, djs, atturi u preżentaturi.
//= $special ?>