Internazzjonali

L-Ukrajna: Attakk fuq vapur tal-gwerra jista’ jikkumplika l-istrateġiji tar-Russja

Ir-Russja konfermat li wieħed mill-vapur tal-gwerra tagħha ġarrab il-ħsarat sostanzjali waqt attakk mill-qawwiet Ukreni fuq il-port ta’ Feodosiya, maġenb il-Baħar l-Iswed, u li jifforma parti mill-Krimea li ilha okkupata mir-Russi minn Marzu tal-2014.

Il-Ministeru tad-Difiża f’Moska, fl-aħħar sigħat, spjega li l-bastiment bl-isem Novocherkassk  intlaqat mill-ajruplani militari tal-Ukrajna li jingħad li kienu qed iġorru l-missili ta’ preċiżjoni.

In-Novocherkassk  hu tip ta’ landing ship li jittrasporta lit-truppi, l-armamenti u tagħmir minn xatt għall-ieħor u s-sitwazzjoni ‘eżatta’ tiegħu, sal-bieraħ, ma kenitx magħrufa

Dan ukoll meta l-Kapijiet tal-Qawwa tal-Ajru Ukrena qed jgħid li l-vapur spiċċa ‘meqrud’ waqt l-attakk fuq il-port – b’dan it-tagħrif jibqa’ mhux ikkonfermat mis-sorsi indipendenti

Madankollu, kwalunkwe ħsara sinifikanti fil-vapur għandha titqies bħala aħbar tajba għall-Ukrajna li għaddejja minn żmien diffiċli hi u tirreżisti l-avvanzi tal-militar Russu fl-artijiet tagħha.

F’din is-sitwazzjoni, l-Ukrajna qed tbati mit-tnaqqis tal-appoġġ mill-Punent meta kumparat ma’ tal-aħħar xhur u meta ċ-ċirkustanzi qed iħallu wkoll impatt f’diversi fronti tal-battalja fejn ir-Russi wettqu numru ta’ kisbiet militari.

Peress li l-bastiment Russu kien għadu ankrat fil-port matul il-ħin tal-attakk hemm probabbiltà kbira li dan kien mgħobbi bit-truppi u tagħmir militari tar-Russja. Fl-istess ħin, il-ħruġ tal-bastiment miċ-ċirkulazzjoni għandu jnaqqas mill-kapaċitajiet tar-Russi biex iwasslu r-reinforzi u l-provvisti militari lejn it-territorji Ukreni okkupati minnhom fit-Tramuntana Mbiegħeda tal-Ukrajna.

Mietu u ndarbu numru ta’ nies waqt l-attakk fuq il-port tal-Krimea u fost rapporti li l-missili tal-Ukreni kaġunaw il-ħsarat f’numru ta’ bini u faċilitajiet fl-istess port.

Sadanittant, ir-rapporti qalu wkoll li s-servizzi tat-trasport fil-port tal-Baħar l-Iswed kienu qed jiffunzjonaw bħas-soltu u wara li l-awtoritajiet Russi kienu għalqu l-aċċessi kollha fil-madwar.