Manchester United dawru telfa f’rebħa kontra Aston Villa f’Old Trafford biex minn żvantaġġ ta’ 2-0 irnexxielhom jagħmlu l-iskor finali 3-2.
Aston Villa skorjaw żewġ gowls fl-ewwel nofsija logħob, b’ John McGinn jiskorja l-ewwel gowl wara 21 minuta, segwit mit-tieni gowl fis-26 minuta minn Leander Dendoncker mill-assist ta’ Lenglet.
Manchester United urew reziljenza biex irnexxielhom idawru l-iskor fit-tieni taqsima, bl-ewwel gowl tar-rimonta jasal mill-Arġentin Alejandro Garnacho mis-suġġeriment ta’ Rashford.
Garnacho kien ukoll l-awtur tal-gowl tad-draw fil-71 minuta, biex għaxar minuti wara Rasmus Hojlund xeħet ġewwa għal dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.
Liverpool telgħu fl-ewwel post tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 fuq Burnley.
Dan jista’ jinbidel il-ġimgħa jekk Arsenal jirbħu l-partita kontra West Ham United, bi tlett punti jerġgħu jtellgħu lill-Gunners fl-ewwel post b’total ta’ 43 punt.
Gowl kull taqsima taw ir-rebħa lir-Reds, bl-ewwel gowl jasal wara 6 minuti logħob minn Darwin Nunez li b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Trafford. Liverpool isiġillaw ir-rebħa fid-90 minuta permezz ta’ Diogo Jota.
Nottingham Forest kisbu rebħa importanti kontra avversarju diffiċli meta għelbu lil Newcastle United bl-iskor ta’ 3-1.
Hattrick mill-eks plejer ta’ Newcastle United ta r-rebħa lit-Tricky Trees f’ St.James’ Park.
Tieni telfa konsekuttiva għal Newcastle United wara li tilfu ukoll il-konfront kontra Luton Town il-ġimgħa l-oħra.
Alexander Isak kien l-ewwel plejer li sab ix-xibka minn penalty wara 23 minuta mill-foul kommess minn Ola Aina. Nottingham Forest għamlu l-iskor indaqs ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima b’ Chris Wood jegħleb lil Dubravka b’xutt mill-viċin mill-kontrattakk ta’ Elanga.
Fit-53 minuta, Chris Wood għal darb’ oħra sab ix-xibka, b’assist ieħor għall-eks plejer ta’ Manchester United Elanga. 7 minuti wara wasal it-tielet gowl ta’ Wood u t-tielet gowl għal Nottingham meta l-attakkant kompla ġewwa mill-pass ta’ Murillo.
Fil-Vitality Stadium, Bournemouth kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Fulham 3-0.
Iċ-Cherries stennew sal-44 minuta biex fetħu l-iskor, meta Justin Kluivert xeħet ġewwa b’xutt ċentrali. It-tieni gowl wasal minn penalty mogħti minn Dominic Solanke li wasal minn foul ta’ Palhinha fuq Semenyo. L-aħħar ġowl wasal ftit minuti qabel tmiem il-partita, b’ Luis Sinisterra jniżżel imsu mal-iskorers.
Logħba kumbattuta bejn Sheffield United u Luton Town bl-iskor finali jkun 3-2.
Il-plejer ta’ Luton Alfie Doughty skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Premier League hekk kif fetaħ l-iskor wara 17-il minuta logħob mill-pass ta’ Lokonga. Sheffield United damu sal-61 minuta biex għamlu l-iskor indaqs, b’ Oliver McBurnie jsib ix-xibka.
Il-Blades irnexxielhom idawwru r-riżultati biex ħadu l-vantaġġ momentarjament permezz ta’ Anel Ahmedhodzic. Sfortunta kbira għal Sheffield, hekk kif Luton irnexxielhom jagħmlu rimonta biex jiksbu t-tlett punti biż-żewġ gowls jaslu minn żewġ auto-gowls ta’ Robinson u Den Silmane.
Ilbieraħ
Newcastle U. v Nottingham F. 1-3
Bournemouth v Fulham 3-0
Sheffield U. v Luton T. 2-3
Burnley v Liverpool 0-2
Man. Utd v A.Villa 3-2
Għada
Brentford v Wolves 8:30pm
Chelsea v C.Palace 8:30pm
Everton v Man. City 9:15pm
Il-Ħamis
Brighton v Tottenham 8:30pm
Arsenal v West Ham U. 9:15pm