L-għada tal-Milied, il-President George Vella fetaħ il-bibien tal-Palazz tal-Gran Mastru – okkażjoni li matulha l-pubbliku seta’ jidħol f’dan il-ġojjell li hemm fil-qalba tal-kapitali tagħna, u fl-istess waqt jikkontribwixxi għall-Istrina. Dan hekk kif il-qligħ kollu mar għall-Malta Community Chest Fund bħala parti mill-maratona ġbir ta’ fondi.
Il-ġurnata bdiet b’marċ mit-truppi ta’ żmien l-Inguardia; marċ illi wassal lill-pubbliku minn Sant’Iermu sal-Palazz fi Pjazza San Ġorġ.
Imbagħad, il-personaġġi lebsin bħala suldati ta’ dik l-epoka baqgħu janimaw dan il-bini majestuż matul il-ġurnata kollha.
Diversi Maltin kif ukoll turisti ħatfu din l-opportunità biex flimkien mal-għeżież tagħhom iżuru dan il-palazz li sa ftit żmien ilu kien magħluq għar-restawr.
Filfatt, dan il-palazz storiku fil-kapitali għaddej minn proċess ta’ restawr estensiv illi riesaq lejn tmiemu, b’investiment ta’ €28 miljun.
Intant,hekk kif din is-sena d-dinja qiegħda tfakkar it-800 sena mill-ewwel presepju ta’ San Franġisk, bħalissa fil-Palazz tal-Belt hemm wirja bl-isem ‘Il-Vjaġġ tal-Presepju ta’ San Franġisk’ u li qed toffri togħma tal-istorja tan-natività.
//= $special ?>