Lokali Saħħa

Pazjenti f’Monte Karmeli qed jispiċċaw jorqdu fuq saqqu fl-art għal jiem sħaħ

Waslet biex tispiċċa sena oħra, bil-pazjenti f’Monte Karmeli mhux talli mhux qed jgħixu f’ambjent mill-iktar feliċi, talli qed jispiċċaw ibatu quddiem is-sitwazzjoni tal-biki li hemm f’dan l-isptar.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalu kif is-sitwazzjoni qed tmur dejjem għall-agħar, bil-Gvern Laburista jibqa’ jonjora din is-sitwazzjoni.

Waqt il-programm Issues li jixxandar b’mod dirett fuq Net FM, raġel partikolari għamel kuntatt ma dan il-programm fejn qasam l-esperjenza tiegħu.

“Min jidħol Mont Carmel bħalissa qed iħalluh fuq saqqu mal-art,” qal dan ir-raġel. “Għal tlett ijiem, erbgħa, ħamsa. Mal-art. Ara jistax ikun. L-iktar nies vulnerabbli tas-soċjetà tagħna. Pastażata kbira. Iħalluhom mal-art sakemm ikollhom spazju biex iqiegħduhom f’xi ward sura, jekk tista’ tgħidilha hekk. Pastażata kbira.”

Ċifri ppublikati fil-Parlament juru li l-Gvern, meta kkumparat mas-snin passati, alloka mal-miljun ewro inqas għas-settur tas-saħħa mentali. U dan meta fl-aħħar xhur rajna żieda sostanzjali fil-pazjenti li jeħtieġu l-kura għas-saħħa mentali.

Fil-fatt, fl-2020 u fl-2021 kienu ġew allokati madwar miljun u 200 elf ewro għal kull sena għal investiment strutturali fl-Isptar Monte Karmeli filwaqt li għall-2022 ngħataw biss ftit iktar minn 200 elf ewro.

Għaddew snin mindu l-Partit Nazzjonalista beda jappella lill-Gvern sabiex jieħu azzjoni dwar l-istat diżastruż li l-Isptar Monte Karmeli jinsab fih. Iżda sa issa… l-ebda amministrazzjoni – la dik ta’ Muscat u lanqas dik preżenti ta’ Robert Abela – ma ħadet azzjoni. B’riżultat li dan l-isptar baqa’ abbandunat.