Rugby Sport

Rugby: It-tim nazzjonali Malti javvanza ħames postijiet fir-rankings mondjali

It-tim Nazzjonali Malti tar-Rugby League Malta Knights telgħa ħames postijiet għall-14-il post fir-rankings mondjali tal-International Rugby League fejn b’kollox hemm affiljati 55 pajjiż.

Malta rebħet erbgħa mill-ħames logħbiet tagħha fl-2023, wara preparazzjoni permezz tal-Kampjonat Malta Rugby League mirbuħ minn Red Knights. Fuq ix-xena internazzjonali, l-unika telfa ta’ Malta kienet 38-12 kontra l-Italja f’Sydney, iżda s-sena 2023 se tibqa’ mfakkra għar-rebħa ta’ 78-0 kontra l-Bulgarija fil-Marsa f’Settembru ġimgħa wara rebħa ta’ 34-10 fuq il-Montenegro f’Tivat.

Il-Malta Rugby League bħalissa tinsab f’taħditiet ma’ għadd ta’ nazzjonijiet dwar il-kalendarju ta’ avvenimenti tal-2024 fejn il-Kavallieri jixtiequ jospitaw l-aqwa 10 nazzjonijiet.

L-Ukrajna, li għelbet lil Malta fil-Marsa f’logħba ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja fl-2018, kienu fost l-aktar li avanzaw fir-rankings ta’ Diċembru fejn mit-28 jinsabu fl-20 post, filwaqt li l-Awstralja żammet fl-ewwel post fir-rankings quddiem New Zealand, l-Ingilterra, Samoa u Tonga bħala l-aqwa ħamsa.

It-tim nazzjonali tar-rugby Malti tan-nisa Malta Dames huwa kklassifikat fl-14-il post minn 28 nazzjon fir-rankings internazzjonali tan-nisa.