Futbol Sport

Sir Jim Ratcliffe bi qbil mal-familja Glazers biex jixtri sehem ta’ 25% f’Manchester United

Il-biljunarju Brittaniku Sir Jim Ratcliffe qabel li jixtri sehem ta’ 25% f’Manchester United għal madwar €1.03 biljun fejn Ineos Group ta’ Ratcliffe se jieħu l-kontroll tal-operat tal-futbol. Ratcliffe, ta’ 71 sena se jipprovdi wkoll €236 miljun għall-investiment futur fl-istadium tal-klabb f’Old Trafford.

Il-konferma seħħet 13-il xahar wara li s-sidien tal-klabb, il-familja Glazer, iddikjaraw li kienu qed jikkunsidraw li jbiegħu biex jesploraw alternattivi strateġiċi wara li fl-2005 kienu xtraw il-klabb għal 790 miljun ewro. L-unika persuna li pubblikament kienet uriet interess kien il-bankier tal-Qatar Sheikh Jassim bin Hamad Al Thani,li iżda f’Ottubru irtira l-offerta tiegħu biex jixtri 100% tal-klabb.

Manchster United ilhom ma jirbħu l-Premier League mill-2013. Ratcliffe, li twieled Manchester huwa chairman tal-kumpanija tal-petrokimiċi Ineos u kien pprova u naqas milli jixtri lil Chelsea s-sena l-oħra.

Ratcliffe qabel li jixtri 25% tal-ishma tal-klassi B tal-klabb, fil-biċċa l-kbira miżmuma mill-familja Glazer, li għandha 69% tal-klabb, u li fiha kważi d-drittijiet tal-voti kollha, u sa 25% tal-ishma tal-klassi A tagħha, li huma elenkati fuq il-Borża ta’ New York.

L-ishma jiswew $33 kull sehem filwaqt li l-familja Glazer se żżomm sehem ta’ maġġoranza fil-klabb Ratcliffe se jkollu l-kontroll sportiv fil-klabb, ifisser li Ineos se tissorvelja l-operazzjonijiet u l-akkademji tal-futbol tal-irġiel u tan-nisa.