Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq serq ta’ ċilindri tal-gass għal raġel li spiċċa l-ħabs 21 darba

Raġel ta’ 52 sena minn Ħal Qormi li jabbuża mid-droga kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li fi Frar tal-2008 wettaq diversi serqiet fosthom tmien ċilindri tal-gass. Il-Qorti qieset il-fatt li r-raġel ma jridx jitgħallem mill-iżbalji tal-passat fejn diġà spiċċa l-ħabs għal 21 darba.

Anthony Abela ammetta wkoll li minn Ħal Qormi seraq karozza tal-għamla Hillman u oħra tal-għamla Ford Fiesta mill-Marsa, kif ukoll li kkaġuna ħsara fuq bieb ta’ klinika f’Birkirkara, li seraq iċ-ċilindri tal-gass minn residenza f’Birkirkara wkoll, li seraq pjanċi tar-reġistrazzjoni ta’ karozza pparkjata f’Ħal Qormi u saq il-Hillman mingħajr liċenzja.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia kkunsidrat, fost oħrajn, li l-kondotta ta’ Abela fiha 28 faċċata. Hija nnutat li l-ewwel kundanna tmur lura għall-1993 u li daħal il-Ħabs 21 darba.

Il-Maġistrat innutat ukoll li huwa beda jabbuża mid-droga ta’ 27 sena u għadu sal-lum juża l-kokaina u l-eroina. Qieset ukoll li mir-rapport tal-uffiċjal tal-probation irriżulta li huwa ma obdiex il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fis-snin li għaddew.

Kien għalhekk li kkundannatu tliet snin ħabs u skwalifikatlu l-liċenzja tas-sewqan għal 12-il xahar. Il-Qorti għamlet rakkomandazzjoni sabiex il-pjan ta’ kura jkun jista’ jidhol fis-seħħ, tenut kont illi Abela ma wera ebda motivazzjoni sabiex jindirizza l-aspett tal-abbuż mid-droga u wisq inqas il-fatt illi ma kkoperax waqt il-kumpilazzjoni ta’ dan ir-rapport.

“Fiċ-ċirkostanzi, qieghed jiġi umilment issuggerit illi din il-Qorti tikkunsidra tinfligga piena ta’ sentenza
karċerarja effettiva liema terminu taghha tippermettilu, jekk huwa jbiddel il-ħsieb, jibda jsegwi programm residenzjali riabilitattiv minn ġewwa l-habs,” qalet il-Maġistrat Farrugia.

Fir-rigward tal-piena, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni li l-imputat huwa reċidiv prim – bl-ewwel kundanna kienet fl-1993 u l-ahhar kundanna kienet fl-2021 fejn l-imputat instab ħati ta’ pussess sempliċi ta’ droga. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendenti Anna Marie Micallef.