Is-sidien tar-ristoranti, fl-aħħar ġimgħat, irrapurtaw nuqqas fil-bejgħ u tnaqqis fl-infieq tal-kostumaturi meta għażlu jieklu barra djarhom.
L-Assoċjazzjoni tal-Catering tinsab imħassba ferm meta dan ilu jiġi nnotat għal dawn l-aħħar ħames snin u l-ebda pjan għal tibdil għad m’hemm fis-seħħ.
Dan it-tnaqqis ġie nnotat fiż-żminijiet ta’ festi meta n-nies l-iktar li joħorġu jieklu barra. Bis-sidien tar-ristoranti qed jitfgħu l-ħtija kollha fuq l-għoli tal-ħajja li iktar ma jmur iktar qed tiżdied b’detriment għan-negozji tagħhom.
Is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Catering, Matthew Pace qal mal-gazzetta The Times of Malta li ħafna mill-membri tagħhom irraportaw tnaqqis ta’ 20% f’bejgħ meta kkumparat mas-sena l-oħra. F’kelma oħra, jekk qabel wieħed kien joħroġ jiekol f’ristorant u kien jonfoq €25, din is-sena nefaq €5 inqas u kiel u xorob b’€20.
Minħabba ż-żieda fil-prezzijiet, fil-maġġoranza qed jagħżlu li ma jordnax flixkun inbid bħal qabel iżda minflok jordnaw biss tazza inbid kull persuna.
Għalkemm ir-ristoranti rrapurtaw li kienu mimlijin fil-maġġoranza tal-ħin, il-konsumatur nefaq ferm inqas mis-soltu.
Dan kollu quddiem iż-żieda fil-prezzijiet li qed tiżdied ma kull jum li tgħaddi. Fost dawn rajna li fl-aħħar ftit xhur, il-prezz tal-ħalib, ħobż, frott u ħaxix, fost ħafna ikel ieħor, ra żieda sostanzjali. U bla dubju li biex ir-ristoranti ma jagħmlux telf, kellhom huma wkoll iżidu l-prezzijiet tal-ikliet li qed ibigħu.
L-2023 kienet sena ta’ żidiet fil-prezzijiet; sena li matulha, minn ġimgħa għal ġimgħa, il-prodotti fuq l-ixkaffef tal-ħwienet tal-merċa żdiedu fil-prezz tagħhom. Bil-Gvern Laburista ilu jiġi mwissi biex jagħmel pjan fit-tul sabiex il-familji Maltin u Għawdxin ma jibqgħux ibatu minn dan. Iżda l-appelli ta’ ħafna waqgħu fuq widnejn torox, bil-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ ma jagħti l-ebda soluzzjoni.
Il-PN ilu xhur sħaħ li ħareġ bi proposti sabiex tittaffa l-pjaga tal-għoli tal-ħajja; fosthom il-proposta li l-COLA ma tkunx intaxxata u li jkun hemm għajnuna lill importaturi sabiex iż-żieda fil-prezzijiet minn barra ma tiġix trasferita fuq il-konsumaturi. Ġie budget ieħor, u għal darb’oħra l-Gvern Laburista lanqas biss ikkunsidrahom.
//= $special ?>