Internazzjonali

Albaniż qed jiġi mfittex madwar l-Ewropa kollha

Il-Europol ħarġu mandat ta’ arrest għall-Albaniż ta’ 37 sena illi huwa s-suspettat ewlieni wara sparatura li ħalliet tliet persuni feruti serjament fil-Greċja – każ illi seħħ fil-weekend tal-Milied.

Kollox jindika li Nardi Idrizi huwa l-persuna li spara fuq tliet ġuvintur fl-inħawi ta’ Gazi, f’Ateni wara ġlieda li kellu f’bar.

Il-vittmi jinsabu rikoverati l-isptar, jissieltu għal ħajjithom.

Jidher li Idrizi ma kienx waħdu f’din il-ġlieda; iżda kien akkumpanjat mill-ħabib tiegħu Emiliano Jakupi ta’ 33 sena li diġa jinsab arrestat mill-awtoritajiet lokali.

Bħalissa għaddejja tfittxija għall-Albaniż hekk kif skont l-awtoritajiet Griegi, hemm ċans li Idrizi qed jippjana li jaħrab mill-Greċja lejn l-Albanija, jew saħansitra lejn Malta. Mhux magħruf eżatt x’rabta jaf għandu dan l-Albaniż ma’ pajjiżna.

Rapporti oħra qed jindikaw li l-aggressur jista’ jkun li ħarab lejn it-Turkija. Fil-fatt l-awtoritajiet Griegi għall-kontroll tal-fruntiera ġew infurmati li ħarġet dan il-mandat ta’ arrest Ewropew sabiex jinqabad fi kwalunkwe pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Idrizi mhuwiex isem ġdid għad-dinja tal-krimiinali,fil-fatt huwa kien il-mexxej ta’ gang vjolenti fl-Albanija involuta f’serq bl-armi. U skonta wkoll xi żmien il-ħabs bejn l-2012 sas-sena 2020.

Il-ħelsien tieghu mill-arrest kien qajmet kontroversja sħiħa fl-Albanija, propju minħabba r-rekord kriminali serju illi għandu. B’rapporti fil-media barranija jindikaw li wara li ħareġ mill-ħabs huwa xorta reġa’ sar parti minn grupp kriminali ieħor fiż-żona ta’ Agios Pavlos fil-Greċja.