Internazzjonali

GAZA: Mill-inqas 241 persuna maqtula fl-aħħar 24 siegħa

Il-Ministeru tas-Saħħa ta’ Gaza mmexxi mill-Hamas qal li mill-inqas 241 persuna nqatlu fl-aħħar 24 siegħa, hekk kif l-operazzjoni militari ta’ Iżrael kompliet fit-territorju.

Il-President Palestinjan Mahmoud Abbas sejjaħ il-gwerra bħala “delitt gravi” kontra l-poplu tiegħu.

Filwaqt li l-Kap tal-armata Iżraeljana Herzi Halevi qal li l-kunflitt mal-Hamas se jkompli għal “ħafna xhur oħra”.

It-Tlieta, intlaqtu aktar minn 100 sit – fost rapporti ta’ operazzjonijiet fuq l-art fiċ-ċentru ta’ Gaza. Splużjonijiet qawwija nstemgħu mill-Medda ta’ Gaza sas-sigħat bikrin tal-Erbgħa.

Fix-Xatt tal-Punent, sorsi indikaw li sitt Palestinjani nqatlu f’attakk bi drone Iżraeljan matul il-lejl fil-kamp tar-refuġjati f’Tulkarem.  382 persuna ndarbu bejn ilbieraħ u llum.

Skont il-ministeru tas-saħħa ta’ Gaża, f’aktar minn 11-il ġimgħa ta’ ġlied, mill-inqas 20,915-il Palestinjan inqatlu – l-aktar tfal u nisa.