Ekonomija Kummerċ Lokali

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jikkonferma tnaqqis fis-sentiment ekonomiku

Maħruġa ċifri għax-xahar ta' Novembru

Tnaqqis fis-sentiment ekonomiku, tnaqqis fis-sentiment tal-impjiegi, ir-rata tal-qgħad baqgħet fl-istess livelli, filwaqt li kien hemm tnaqqis fil-produzzjoni industrijali.

Din hija l-istampa li toħroġ mill-aħħar aġġornament illi ġie ippubblikat illum mill-Bank Ċentrali ta’ Malta – bid-data turi li f’Novembru, l-indikatur tal-fiduċja ekonomika minn naħa tal-Kummissjoni Ewropea naqas għat-tieni xahar konsekuttiv u kien taħt il-medja storika. L-aspettattivi dwar l-impjiegi battew ukoll meta mqabbla max-xahar ta’ qabel.

Skont il-Bank Ċentrali, l-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta, hekk kif il-produzzjoni industrijali kibret b’ritmu inqas mgħaġġel minn sena qabel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut naqas b’ritmu iktar mgħaġġel.

Filwaqt li l-Indiċi tal-Prezzijiet baqa’ fil-livelli ta’ ftit anqas minn 4 fil-mija, iċ-ċifri juru wkoll li f’Novembru il-kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà naqsu meta mqabbla ma’ sena ilu.