Lokali

‘Il-Gvern Malti qed jiftaħ bieb għal nies min-Nepal b’visa falza” – il-Pulizija Spanjola

Il-Gvern Malti jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni konġunta tal-Europol, bl-isem ta’ Operation Everest, għall-mod kif qed jiġi iffaċilitat id-dħul ta’ klandestini b’visa falza u barranin oħra li jibqgħu jgħixu fiż-żona Schengen lil hinn mid-data ta’ skadenza tal-visa.

Dan hekk kif nies min-Nepal ġew arrestati fi Spanja fi sforz sabiex jitwaqqfu dawn iċ-ċrieki kriminali. Dawn il-ħaddiema qed jużaw lil Malta u lill-Polonja biex jaċċessaw iż-żona Schengen, joqgħodu għall-perjodu minimu meħtieġ f’dawn il-pajjiżi biex imbagħad ikunu jistgħu jtiru għad-destinazzjoni finali tagħhom, Spanja.

Din l-operazzjoni tnisslet f’Novembru tal-2022 meta l-Pulizija Spanjola rnexxielha tinterċetta grupp li kien qed idaħħal ħaddiema Indjani u Nepaliżi b’mod klandestin bl-għan aħħari li jidħlu l-Istati Uniti, tramite l-Messiku.

Eventwalment, kienu ġew arresti 9 persuni li għenu sabiex 300 ħaddiem min-Nepal jidħlu fl-Ewropa permezz ta’ visa falza maħruġa mill-Indja, bil-prezz tal-passaġġ lejn l-Ewropa jilħaq il-€15,000 u €5,000 oħra sabiex dawn il-ħaddiema jidħlu Spanja u jgħaddu mit-testijiet neċessarji biex jiksbu ċ-ċittadinanza Spanjola.

Dan ir-racket, li sfaxxa, kien immexxi minn familja b’fergħat fl-Indja, in-Nepal, il-Litwanja u l-Polonja, u l-grupp kien jirnexxielu jikseb visa falza tat-tip D minn aġenziji ta’ konsulenzi Ewropej fl-Indja, li kienu joħorġu permessi lil nies biex jgħixu, jistudjaw jew jaħdmu fiż-żona Schengen għal 90 jum.

Il-Pulizija Spanjola saħqet kif din l-operazzjoni klandestina żvolġiet bl-involviment ta’ kumpaniji Ewropej u Nepaliżi; li joffru opportunitajiet foloz ta’ xogħol u studju bil-premessa li l-visa tinħareġ għal dan il-għan.

Il-barranin, l-ewwel kienu jidħlu Malta. Imbgħad, fi Spanja, dawn it-traffikanti kienu jiffaċilitaw il-mistoqsijiet tal-eżamijiet u jiffalsifikaw ir-riżultati tat-testijiet, bl-għajnuna ta’ ċerti skejjel Spanjoli tal-lingwa, bil-għan dawn il-klijenti Nepaliżi jingħataw il-kwalifika jew id-diploma meħtieġa biex jiksbu ċ-ċittadinanza Spanjola.