Internazzjonali

In-NATO: L-Iżvezja viċin l-isħubija…Jonqos biss l-approvazzjoni mill-Gvern tat-Turkija

It-Turkija ħadet pass importanti ‘il quddiem lejn l-approvazzjoni tas-sħubija tal-Iżvezja fl-Alleanza tan-NATO. Dan sar possibbli wara li l-Kumitat Tork għall-Affarijiet Barranin aċċetta l-isħubija tal-Iżvezja biex b’hekk witta t-triq għal vot deċiżiv mill-Parlament ta’ Ankara.

B’hekk ukoll tneħħa wieħed mill-akbar ostakoli għall-isħubija tal-Iżvezja – b’dan il-pajjiż, issa, qed jaħseb biex jikkonsolida l-futur tiegħu bħala membru tal-Alleanza tal-Punent wara snin twal ta’ newtralità.

Mistenni, issa, li l-Parlament Tork ukoll jivvota favur l-isħubija ta’ dan il-pajjiż Skandinav – bil-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, jindika li hu favur l-inklużjojni tal-Iżvezja fl-Alleanza.

U l-fatt li l-Partit Iżlamiku (AK) ta’ Erdogan u l-alleati politiċi tiegħu għandhom maġġoranza komda fl-Assemblea ta’ Ankara għandu wkoll jiffavorixxi lill-Iżvezja.

L-isħubija ta’ pajjiż ġdid fin-NATO tesiġi l-approvazzjoni unanima mill-Istati membri tal-Alleanza.

U t-Turkija kienet ilha x-xhur tostakola l-isħubija tal-Iżvezja, b’Erdogan jesiġi biex dan il-pajjiż jieħu miżuri aktar drastiċi fil-konfront tas-sostenituri tal-gruppi separatisti dikjarata bħala ‘illegali’ mit-Tmexxija f’Ankara.

Dawn jinkludu l-grupp PKK tas-separatisti Kurdi u li ngħata l-istatus ta’ entità terroristika mill-Unjoni Ewropea.

Intant, l-isħubija tal-Iżvezja fin-NATO għandha ssaħħaħ lill-Alleanza li twaqqfet għexieren ta’ snin ilu bħala ‘deterrent’ għall-konflitti fuq il-livell tal-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjija.

Hu minnu wkoll li l-President tal-Istati Uniti Joe Biden u l-Mexxejja tal-Ewropa ilhom iwettqu pressjoni fuq Erdogan biex japprova l-inklużhoni tal-Iżvezja fl-Alleanza – u bil-Kumitat Tork għall-Affarijiet Barranin issa qed jesiġi li ‘l-Iżvezja emendat il-Kostituzzjoni u l-liġijiet li jippermettu azzjonijiet aktar effettivi fil-konfront tal-attivitajiet terroristiċi’.