Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Il-maltemp iħarbat l-ivvjaġġar għall-għexieren tal-eluf tan-nies

Il-poplu fir-Renju Unit jinsab ansjuż dwar maltempata mlaqqma’ ‘Gerrit’ li fil-preżent qed tħarbat il-pjani għall-eluf tal-familji waqt il-festi tal-Milied. Dan ukoll meta s-settur tat-trasport qed iġarrab l-agħar impatt possibbli, b’numru ta’ titjiriet u vjaġġi bil-ferrovija ma jsirux minħabba ‘l-elementi impossibbli ta’ Gerrit’.

Ir-Renju Unit, fl-aħħar sigħat, kien qed ikun assejdat mill-irwiefen b’veloċità ta’ 90 kilometru fis-siegħa, fost il-ħalbiet tax-xita interminabbli u l-inżul kontinwu tal-borra.

Għaldaqstant, għexieren ta’ eluf li kienu qed jaħsbu biex jivvjaġġaw  spiċċaw fi speċi ta’ limbu u fejn kellhom jipposponu kull pjan li kellhom biex jirrilokaw lejn l-ibliet ewlenin tar-Renju Unit.

Is-sitwazzjoni affettwat l-aktar lin-nies li riedu jivvjaġġaw lejn l-ibliet ta’ Aberdeen, Edinurgh u Glasgow fl-Iskozja. Intant, l-iskeda tat-trasport lejn Manchester fl-Ingilterra ukoll waqgħet f’kaos sħiħ minħabba ċ-ċirkustanzi.

Fl-istess ħin ma ħadmux is-servizzi tal-ajru minn Londra lejn l-ibliet ta’ Barċellona u Madrid (fi Spanja), Berlin (fil-Ġermnanja) u Pariġi (fi Franza). Dan wara li l-kontrolluri għat-trasport tal-ajru insistew dwar sensiela ta’ restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar.

Sadanittant, baqgħu effettivi t-twissijiet lill-poplu biex jeżerċita l-massimu tal-kawtela sakemm il-maltempata tonqos mill-intensità.