F’seduta tal-Qorti l-Erbgħa filgħodu, ħarġu dettalji xokkanti dwar il-każ tal-qtil doppju li seħħ fil-Marsa.
L-akkużat, Iddrisu Faisal ta’ 34 sena u mill-Ghana, allegatament telaq mix-xena tad-delitt b’sidru barra, iġorr oġġett twil tal-metall, waqt li b’idejh il-fuq beda jgħajjat ‘Allah hu akbar’.
Faisal qed jiffaċċja akkużi li qatel lil Joe Bartolo u Carmen Abela, f’post li kien qed jinkera lilu…fejn hemm kmamar fl-eks skola taż-żwiemel fi Triq it-Tigrija.
Il-Qorti semgħet xhieda dwar relazzjonijiet ta’ tensjoni mal-kerrejja l-oħra …. u rat l-imġieba aggressiva ta’ Faisal waqt l-arrest tiegħu, li kien jeħtieġ taser biex jikkalma u sussegwentement ingħata trankwillant fl-isptar Mater Dei.
Filmati tas-CCTV qabdu lil Faisal ħiereġ mix-xena tad-delitt, bl-arma mgħollija f’idejh u jgħajjat…. qabel ma ġie mrażżan minn kerrej. Il-Pulizija sabet traċċi tad-demm fi stalel li kienu konvertiti fi kwartieri għall-irqad, fejn allegatament ġew attakkati żewġ kerrejja.
Fil-kamra ta’ Faisal sabu wkoll dokumenti personali tal-akkużat fosthom ID Card Taljana u €1,000 fi flus kontanti.
Provi forensiċi rabtuh mal-ġrieħi brutali f’rashom li sofrew il-vittmi.
Il-Pulizija eżaminat ukoll sejħiet minn Abela fuq in-numru tal-emerġenza 112, ftit sekondi biss qabel mewtha. Jidher ċar li l-mara kienet ippanikjata, u qalet lill-Emergenza li raġel aggressiv ta’ ġilda skura kien irnexxielu jidħol fid-dar tagħhom. Hi instemgħet tgħajjat – u f’daqqa u l-ħin waqgħet il-linja.
Il-każ, quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, ikompli fil-jiem li ġejjin.
L-avukati Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri. L-avukati Joe Brincat u Julia Micallef Stafrace huma avukati tal-għajnuna legali.
L-avukati Jason Azzopardi, Franco Debono, u Marion Camilleri qed jidhru parte civile.
//= $special ?>