Lokali Saħħa

Nisa tqal jintbagħtu d-dar minħabba nuqqas ta’ sodod fl-isptar Mater Dei

Tkompli toħroġ fid-deher il-problema tan-nuqqas ta’ spazju li hemm fl-isptar Mater Dei minhabba l-isplużjoni fil-popolazzjoni – dan hekk kif in-nisa li jkunu qed jistennew tarbija, issa qed jintalbu jibqgħu id-dar sal-aħħar minuta possibbli konsegwenza tal-pressjoni enormi li hemm fuq dan id-Dipartiment.

Permezz ta’ diversi messaġġi fuq il-midja soċjali, ħafna min-nisa li ġew affetwati spjegaw kif dawk l-ommijiet li jkunu waslu fi tmiem it-tqala tagħhom, jidħlu l-isptar ġurnata qabel it-twelid u jagħmlu t-testijiet kollha neċessarji, apparti li ssir osservazzjoni fuq it-tarbija.

Issa, dawk in-nisa li ma jbatux minn kundizzjonijiet bħal dijabete u pressjoni għolja fost oħrajn qed jintbagħtu lura d-dar; sabiex imbagħad l-għada jmorru lura l-isptar għall-intervent – xi ħaġa li qabel ma kinitx tiġri, għaliex il-mara kienet tinżamm l-isptar, taħt għajnejn il-qwiebel u t-tobba.

F’każijiet meta l-omm tkun skedata li se twelled ċesarja din tinbgaħat lura d-dar jumejn biss wara li jkun sar dan l-intervent. B’sorsi ta’ Net News jikkonfermaw li din il-prassi qed tiġri wkoll f’numru ta’ operazzjonijiet oħra …minħabba nuqqas kbir ta’ sodod u mis-management fl-isptar Mater Dei.

Fil-passat jekk omm tħoss kontrazzjonijiet kienet tiddaħħal immedjatament l-isptar Mater Dei u tinżamm għall-osservazzjoni; iżda issa l-ommijiet qed jgħaddu minn sitwazzjoni ferm stressanti hekk kif qed jgħidulhom li jekk għandhom jifilħu jridu joqogħodu d-dar u jiġu biss jekk l-affarijiet jinbidlu.

Minn naħa l-oħra, il-kummenti taħt dan il-post esprimew rabja kbira filwaqt li qalu li din hija indikazzjoni mill-aktar ċara li m’hemmx biżejjed sodod għal kulħadd; bis-sitwazzjoni fl-isptar Mater Dei sejra mill-ħażin għall-għar. Oħrajn qalu li tqatta jumejn biss l-isptar wara li twelled ċesarja huwa ftit, speċjalment għal dawk l-ommijiet li għandhom tfal oħra d-dar – għaliex tkun impossibbli sabiex issib ħin ta’ mistrieħ.

Matul l-aħħar xhur in-nuqqas ta’ spazju u s-sitwazzjoni miżera li hemm fl-isptar Mater Dei ripetutament iddominat l-aħbarijiet; bir-rabja tal-poplu dejjem qed tkompli tikber għaliex huwa evidenti li n-nuqqas ta’ spazju ġej mill-isplużjoni fil-popolazzjoni – kaġun tal-mudell ekonomiku li qed iħaddem Robert Abela. Dan apparti n-nuqqas ta’ investiment fl-isptar Mater Dei mill-Gvern Laburista.