Fl-omelija tiegħu tal-Quddiesa tas-Sebħ tas-Solennità tal-Milied, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex, it-Tnejn filgħodu, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma qal li l-Misteru tal-Inkarnazzjoni joffri żewġ terapiji għas-salvazzjoni tal-bniedem: il-fidi u l-umiltà.
L-Isqof qabbel l-ewwel terapija ma’ riċetta tat-tabib, u ħeġġeġ lil dawk li jemmnu biex ikollhom fidi u fiduċja fil-preżenza ta’ Alla f’ħajjithom. Waqt li kkwota mill-Evanġelju, lill-Profeta Iżaija u lil San Pawl, staqsa dwar il-ħtieġa tas-salvazzjoni; u xebbaha ma’ meta wieħed ifittex għajnuna medika biss meta jħossu ħażin. Dan filwaqt li enfasizza fuq is-sejħa għal fidi immedjata – bħal mediċina preskritta – illi hi tweġiba essenzjali għall-isfidi li wieħed jiffaċċja.
Monsijur Teuma saħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ terapija aktar profonda u fit-tul imsejsa fuq l-umiltà.
Huwa xebbah din it-terapija mad-dixxiplina ta’ meta wieħed jieħu ħsieb saħħtu permezz tal-fidi fit-tabib. L-Isqof spjega kif l-umiltà hija ċ-ċavetta għall-għarfien personali, li wieħed jaċċetta d-difetti tiegħu, u jħaddan il-misteru profond ta’ meta Alla sar bniedem.
L-Isqof wissa kontra l-perikli li wieħed jgħix wara l-maskri tas-superfiċjalità. U ħeġġeġ biex ilkoll kemm aħna nerġħu lura għas-sinċerità, biex nilqgħu u niċċelebraw tassew l-Aħbar it-Tajba tal-Milied…sabiex bħar-rgħajja umli nagħrfu l-verità u nħaddnu l-Bxara t-Tajba.
//= $special ?>