Internazzjonali

Wolfgang Schauble: Imut l-eks Ministru Ġermaniż li għen biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi tad-dejn

L-eks-Ministru Ġermaniż għall-Finanzi, Wolfgang Schauble, miet fl-età ta’ 81 sena u se jibqa’ magħruf bħala wieħed mill-aktar politiċi prominenti fi żmien ta’ taqlib kbir mhux biss għall-Ġermanja iżda anki għall-Ewropa.

Wolfgang Schauble, li għal 51 sena sħaħ serva bħala deputat fil-Bundestag (Parlament) ta’ Berlin, kien protagonista assolut fil-politika li għenet biex iz-zona ewro toħroġ mill-kriżi tad-dejn ta’ snin ilu.

Fl-istess ħin, Schauble kellu rwol importanti fin-negozjati għar-reunifikazzjoni tal-Ġermanja tal-Punent mal-eks-Ġermanja tal-Lvant komunista wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, fl-1989.

Wolfgang Schauble hu anki sinonimu mat-tmexxija tal-eks-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel. U għalkemm Schauble qatt ma assuma t-tmexxija ta’ pajjiżu, hu, tul is-snin, kien irrispettat – fil-Ġermanja u ‘il hinn minnha – bħala wieħed mill-aktar politiċi influwenti ta’ wara t-Tieni Gwerra.

L-eks Ministru tal-Finanzi kien ilu membru tal-Partit CDU mill-1965 u kien proprju f’Ottubru tal-2009 li hu ingħata d-dekasteru tal-finanzi mingħand il-Kanċillier Merkel.

Ftit tax-xhur wara, ‘splodew’ ir-rivelazzjonijiet dwar id-defiċit allarmanti fil-baġit tal-Greċja – bis-sitwazzjoni twassal għall-kriżi finanzjarja tal-Ewropa li kellha wkoll il-potenzjal biex tiddistabbilizza lis-sistemi finanzjarji tad-dinja.

Intant,  Schäuble kien ilu sostenitur ta’ għaqda Ewropea ‘aktar profonda’ u kien ukoll protagonista fil-kampanja ta’ snin għall-integrazzjoni akbar tal-pajjiżi fil-‘Proġett Ewropa’.