Lokali

“Il-qtil ta’ Karin Grech jibqa’ tebgħa sewda fl-istorja ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

46 sena ilu inqatlet Karin Grech fl-eta’ ta 15-il sena.

Hija mietet kaġun ta’ ittra bomba li tħalliet wara l-bieb tad-dar tagħha f’San Ġwann. L-ittra flimkien ma pakkett b’wrapping tal-Milied kienu indirizzati lil missiera – it-tabib Edwin Grech. Pero, bintu Karin kienet fetħet il-pakett … u l-bomba kienet sploddiet f’wiċċha. Hi kienet mietet ftit tal-ħin wara fl-isptar San Luqa.

Wara dawn is-snin kollha… id-delitt ta’ din it-tfajla għadu mhux solvut, tant li ħadd għadu ma tressaq il-Qorti; għalkemm Edwin Grech kien qal illi hu jissuspetta li aktarx il-bomba kienet ippjanata minn numru ta’ studenti li kienu qed jistudjaw il-mediċina fl-Università.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista permezz ta’ post fuq il-paġna ufficjali tiegħu ta’ Facebook fakkar il-jum li fih kuġintu Karin Grech inqatlet.

U qal li l-qtil tagħha, jibqa’ tebgħa sewda fuq l-istorja ta’ pajjiżna … u jum ikrah għal familtu.

Bernard Grech stqarr illi illum iz-ziju Edwin sar jaf min qatel lil bintu – mhux għax issolva dan il-każ imma għax ħalla lil din id-dinja. Ġustizzja fuq din l-art għadha ma saritx” kompla jgħid il-Kap tal-PN.

Waqt li żied jgħid ukoll li huwa fi dmir tiegħu li jibqa’ jġedded l-appell tiegħu lill-Pulizija biex minkejja li għadda ż-żmien, jagħmlu dak kollu possibli biex isolvu dan id-delitt u oħrajn.