Hekk kif waslet biex tispiċċa sena u tibda sena ġdida, l-għaqda mhux governattiva, Flimkien għal Ambjent Aħjar fakkret lill-pubbliku dwar ix-xogħol li għamlet u li se tkompli tagħmel fix-xhur illi ġejjin.
L-għaqda qalet li l-għan principali fil-bidu tas-sena 2024 se jibqa’ li tissielet kontra il-permess li ħareg għal blokka ta’ 22 apartament ħdejn it-Tempji tal-Ġgantija, fix-Xagħra, Għawdex; liema permess jikser numru ta’ liġijiet u regolamenti relatati ma’ żvilupp ħdejn bini meqjus li huwa l-eqdem bini fid-dinja – u li jgawdi it-titlu tal-UNESCO bħala Sit ta Patrimonju Dinji.
Għal dan il-għan, l-għaqda flimkien ma’ Ramblers Association, Għawdix, Malta-Arch kif ukoll ħafna mir-residenti tax-Xagħra, fil-21 ta Diċembru, issottomettew appell kontra dan il-proġett – bini kontroversjali li dwaru tkellem anke l-Partit Nazzjonalista b’saħħa matul l-aħħar ġimgħat.
Intant, fl-2023, Flimkien għal Ambjent Aħjar ħadmet fuq għexieren ta’ każi li involvew decizjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan sabiex tiproteġi l-ambjent tipiku Malti, li qed jintilef – inkluż fiz-zoni urbani.
L-għaqda fakkret illi kienet kruċjali meta bl-appoġġ u bil-ħidma tagħha ingħaqdet ma’ grupp ta’ residenti ta’ Ħal Balzan biex jiġi rifjutat mill-Awtorità tal-Ippjanar proġett kbir li kien se jinkludi 90 apartament.
Bl-istess mod l-għaqda għenet lir-residenti ta Ħal Lija sabiex jirbħu kontra proġett ta’ bini ta’ appartamenti f’zona li kien fiha biss djar.
U ma jistax jonfos ix-xogħol li sar biex titwaqqaf l-Għaqda Residenti Slimiżi; liema għaqda diġa’ għamlet l-ewwel protesta biex titjieb il-kwalità tal-ħajja f’Tas-Sliema.
//= $special ?>