Fi stqarrija maħruġa tard ilbieraħ filgħaxija, il-Gvern baqa’ ma ċaħadx l-aħbar żvelata minn Net News dwar is-sitwazzjoni tan-nisa tqal li qed jintbagħtu d-dar; sitwazzjoni li qed toħloq stress għal diversi koppji, speċjalment l-ommijiet infushom.
Ilbieraħ, dan is-sit spjega kif normalment l-ommijiet li jkunu waslu fi tmiem it-tqala tagħhom, jidħlu l-isptar ġurnata qabel it-twelid u jagħmlu t-testijiet kollha neċessarji, apparti li ssir osservazzjoni fuq it-tarbija. Iżda issa, dawk in-nisa li ma jbatux minn kundizzjonijiet bħal dijabete u pressjoni għolja fost oħrajn qed jintbagħtu lura d-dar; sabiex imbagħad l-għada jmorru lura l-isptar għall-intervent – xi ħaġa li qabel ma kinitx tiġri, għaliex il-mara kienet tinżamm l-isptar, taħt għajnejn il-qwiebel u t-tobba.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-isptar Mater Dei qed isegwi prattiċi adottati minn sptarijiet Ewropej u Ingliżi, u li mhix tiġi kompromessa s-saħħa jew is-sigurtà tal-pazjenti – għalkemm fl-ebda ħin ma ċaħad li din il-prattika inbidlet fl-aħħar ġimgħat, u qed tkun ta’ detriment fuq in-nisa li jkunu qed jistennew tarbija.
Il-Gvern qed jinsisti li baqa’ jimxi bl-aktar mod professjonali u fil-parametri ta’ prattiċi internazzjonali; iżda l-koppji li għaddew minn din l-esperjenza, jaħsbuha mod ieħor.
Intant, wara li ħarġet din l-istorja tkellmu magħna anke diversi midwives illi spjegaw kif fid-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema. Qalulna wkoll li l-pressjoni fuqhom saret insapportabbli, u għalkemm jagħtu l-mija fil-mija – xorta mhux ilaħħqu – fil-maġġoranza tal-każi, minħabba l-ammonti kbar ta’ nisa li jridu jassistu, kaġun taż-żieda fil-popolazzjoni.
//= $special ?>