“Il-parir tiegħi lil min isib ruħu quddiem it-tentazzjoni tad-droga huwa biex ma jibdiex għax x’jitlef biss għandu. Jekk tkun waqajt taf li tista’ tfittex l-għajnuna. Imma l-iktar importanti hu li ma tibdiex.
Dan kien l-aktar messaġġ importanti u pożittiv li xtaq iwassal David, f’invervista li għamiltlu fl-uffiċċju tiegħi d-Dar Ċentrali ftit jiem qabel il-festa sabiħa tal-Milied.
David għadda minn ħafna f’ħajtu. Kif jgħid hu stess, mess il-qiegħ. Imma llum, grazzi għall-għajnuna li sab mill-Caritas, imma fuq kollox għad-determinazzjoni tiegħu, ilu 13-il sena ‘clean’ u qata’ anki l-vizzju tal-logħob u tas-sigaretti. Tant hu rikonoxxenti għall-għajnuna li sab u għadu jsib mill-Caritas, li ftit ilu David iddeċieda li jagħmel tattoo fuq sidru biex, fi kliemu stess, iġorr lill-Caritas f’qalbu għall-kumplament ta’ ħajtu.
David Attard, l-ewwel wild f’familja ta’ ħamest itfal, jiddeskrivi t-tfulija tiegħu bħala waħda normali. Jilgħab ma’ ħutu u ma’ xi ħbieb fid-dar u barra, fil-Ħamrun. Jgħid li kien imfissed, probabbli anki xi ftit iżżejjed. Jammetti li l-iskola ma kienx iħobbha u dejjem jiftakru bix-xewqa li meta jikber isir bus driver għax kien jara lil missieru jsuq il-minibus. Xewqa li kellu jaqta’ ħafna snin wara meta beda jsuq karozza tal-linja fi żmien l-Arriva.
It-tfulija għaddiet malajr u maż-żgħożija tiegħu fil-kuntatt ma’ sħabu dejjem ħassu ftit jew wisq lura minħabba l-karattru mistħi tiegħu. Karattru li rrendih aktar fraġli quddiem it-tentazzjoni tal-ewwel offerta għad-droga.
“Bdejt bil-ħaxixa u xi xorb, bl-iskop li negħleb il-mistħija. Kelli bejn 15 u 16-il sena. Jgħidulek li biha tneħħi l-mistħija. U taqa’, tibda tesperimenta.”
David jgħid li mhux kull min jibda bil-ħaxixa jfisser li bilfors se jgħaddi għal drogi iktar qawwija. Imma li ġara lil David sfortunatament jiġri lil bosta oħrajn. “Darba mort infittixha minn fejn dejjem sibtha – għax dak iż-żmien ma kienx faċli daqs illum, li ssibha kullimkien – u qaluli li ma kellhomx għax skarsat imma setgħu jipprovduli xi ħaġa li ddeskrivew bħala ‘simili’. Fil-fatt introduċewni mal-eroina, li wara skoprejt li ma kienet simili xejn. Ġismi wrieni mill-ewwel li ma jridhiex din id-droga, li mhijiex tajba għalih… għamilt l-ewwel għaxart ijiem neħodha u mmur intella’. Imbagħad meta bqajt nisforza ġismi qisu draha u ħakmitni.”

Kien hemm żmien meta David għamel sforz u beda jrabbi l-għaqal… imma hekk kif waslet is-separazzjoni tiegħu jistqarr li “mort il-baħar… bdejt inħawwad ħafna u nipprova nsib is-soluzzjonijiet f’aktar droga.”
Barra minn hekk qabad il-vizzju tal-logħob ukoll. Il-flus ma kinux daqshekk problema għalih għax kellu job il-bank. “Imma l-paga ta’ xahar ġietli nfaqtha f’erba’ sigħat biss ta’ logħob il-casino.”
Staqsejt lil David meta ħass il-bżonn li jagħmel xi ħaġa, li ma setax jibqa’ għaddej b’din il-ħajja li ma kienet qed twasslu mkien. Ma ħasibhiex wisq biex weġibni: “Meta missejt il-qiegħ. Kont dieħel u ħiereġ Mount Carmel, kelli xi problemi wkoll – avolja mhux kbar – mal-Pulizija, u ħassejt li ridt nagħmel xi ħaġa għax din ma kinetx ħajja li qed ngħix.”
David beda jitkellem ma’ xi nies qrib tiegħu u xi ħadd issuġġerielu biex jersaq lejn il-Caritas u jara x’servizz jistgħu jipprovdulu. “Mort inkellem lil Monsinjur Victor Grech u laqagħni b’idejh miftuħa.”
Dan kien 13-il sena ilu. David beda programm ta’ riabilitazzjoni u temmu b’suċċess. Mhuwiex programm faċli, imma David kien determinat. F’Mount Carmel għamel snin dieħel u ħiereġ, prattikament maqful ġewwa, għalhekk il-programm ma ħassux daqshekk tqil forsi daqs ħaddieħor li ma kellux esperjenzi bħal tiegħu.
B’sodisfazzjon, u fl-istess waqt kommoss jieqaf jimsaħ xi demgħa jew tnejn, David qalli li issa ilu 13-il sena ‘clean’. “Imma l-kuntatt mal-Caritas ma qtajtu qatt, bqajt inżommu. Għalija dan importanti ħafna għax ma trid tieħu xejn for granted. Huwa dak li jżommok ‘clean’. Jien bqajt f’kuntatt kontinwu u darba f’xahar għadu jkolli session ma’ social worker. Dan il-parir nagħtih lil sħabi li jkunu għaddew minn problemi simili, taqtgħuh qatt il-kuntatt mal-Caritas, lanqas wara li ttemmu l-programm u tibdew taħdmu.
Hekk kif spiċċa l-programm ta’ riabilitazzjoni f’San Blas, David qata’ xewqtu u ntgħażel bħala bus driver mal-Arriva, u għadu xufier mal-Malta Public Transport sal-lum. “Illum l-ikbar numru ta’ xufiera huma barranin, imma lili żammewni magħhom u jidhru kuntenti bija. U jiena kuntent ukoll, għax qed nagħmel ix-xogħol li dejjem xtaqt li nagħmel, sa mit-tfulija tiegħi.”
Staqsejt lil David x’bidla ra f’ħajtu minn meta kien ‘fit-triq’ għal dawn is-snin li ilu clean, ’il bogħod mid-droga. “Differenti ħafna… ħafna. Żmien sabiħ li fih tibda tapprezza l-ħajja, tgawdi l-familja. Tara s-sabiħ li tkun ‘clean’. Tirrealizza li tkun qed tgħix. Bid-droga tispiċċa teżisti biss mhux tgħix. Minkejja li jien separat, anki l-mara u t-tifla kuntenti bija. Fuq ix-xogħol rispettat ukoll. Ħajja differenti.”
David qalli li llum irnexxielu jegħleb ukoll il-vizzju tal-logħob u fil-fatt ilu ma jilgħab għal dawn l-aħħar ħames snin, u rnexxielu jaqta’ saħansitra anki t-tipjip tas-sigaretti.
Tlabtu jgħaddi parir lil min jinsab fit-tentazzjoni li jirrikorri għad-droga f’ħajtu.
“Il-parir tiegħi huwa biex ma tibdiex għax x’titlef biss għandek. Jekk tkun waqajt taf li tista’ tfittex l-għajnuna. Imma l-iktar importanti hu li ma tibdiex. U meta ngħid ma tibdiex qed nirreferi anki għall-cannabis. Qabel kien hemm żmien fejn kont favur il-legalizzazzjoni tal-cannabis. Illum li għaddejt minn dan kollu jiena kontra l-legalizzazzjoni b’saħħti kollha għax il-ħsara li għamlitli ġo moħħi, skont il-psikjatra tiegħi, hi irreparabbli. Għadni nieħu l-injections għad-depression u rrid nibqa’ neħodhom għal għomri. Illum anki nxomm lil xi ħadd ipejjep il-cannabis, ir-riħa tagħha biss iddejjaqni wisq, ma niflaħhiex. Tista’ tkun tajba bħala mediċina, għall-bżonn, imma min ipejjipha għall-gost, għar-rikreazzjoni, jagħmel ħażin. Ikun qed jabbuża u jilgħab ma’ saħħtu, kif għamilt jien.”
Xi tfisser il-Caritas għal David? “Il-Caritas għalija hi parti importanti minn ħajti… il-familja tiegħi… m’għandix l-iċken dubju fihom, kull min iħabbat il-bieb għall-għajnuna naf li se jsib min jiftaħlu l-bieb u jilqgħu. Jien għadni nżur id-djar li jmexxu l-Caritas u l-kuntatt magħhom ma naqtgħu qatt.”
Lejn tmiem l-intervista David neħħa l-ġakketta u fetaħ ftit il-qmis biex jurini tattoo partikolari li għandu fuq sidru. Tattoo impressjonanti u sinifikattiva ferm li turi proprju l-logo ta’ Caritas Malta. “Din għal qalbi ħafna,” qalli David, “għamiltha ftit ilu għax ridt li l-Caritas inżommha fl-aktar post viċin qalbi biex naraha kuljum quddiem il-mera u niftakar kemm irċevejt għajnuna u mħabba. Il-Caritas hija f’qalbi u rrid inġorrha miegħi kull fejn immur.”
