Lokali

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jikkonkludi x-xogħlijiet ta’ ristrutturar fuq mitjar sekondarju

Ġew fi tmiemhom ix-xogħlijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li permezz tagħhom il-mitjar sekodarju ingħata wiċċ ġdid.

Ix-xogħlijiet ta’ ristrutturar, li bdew fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru kienu jinkludu sensiela ta’ interventi importanti li saħħu u mmodernizzaw l-infrastruttura ta’ dan il-mitjar fosthom; il-kisi tar-runway b’madwar 35,000 tunnellata ta’ asphalt speċjali, u l-bidla ta’ madwar 3,000 metru kwadru ta’ konkrit miksur sabiex tkun tista’ tissaħħaħ l-integrità strutturali tal-mitjar.

Dan il-mitjar sekondarju inbena bħala bażi militari tal-ajru fi żmien meta Malta kienet kolonja tar-Renju Unit, u sussegwentament infetaħ mill-ġdid għall-Avjazzjoni Ġenerali. U issa…l-operat kollu mistenni jirritorna għan-normal sal-aħħar ta’ din is-sena – għalkemm xi xogħlijiet infrastrutturali żgħar oħra huma skedati li jsiru fil-bidu ta’ Jannar.

Il-mitjar sekondarju jintuża l-aktar mill-ajruplani tal-Avjazzjoni Ġenerali u anke minn skejjel ta’ taħriġ tal-avjazzjoni.

Apparti aktar flessibilità lill-operat tal-ajruport, ix-xogħlijiet ta’ ristrutturar li saru fuq din ir-runway huma kruċjali sabiex eventwalment, fis-snin li ġejjin, jibdew xogħlijiet infrastrutturali importanti fuq il-mitjar ewlieni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Minħabba l-kobor tax-xogħlijiet infrastrutturali li kellhom isiru, dan il-proġett inħadem fuq fażijiet li kienu ppjanati b’mod metikoluż, bl-iskavar, il-bini u r-rikostruzzjoni ta’ partijiet mill-mitjar jibqgħu għaddejja bil-lejl u bi nhar. Dan bil-għan li x-xogħlijiet ikunu konklużi b’mod sigur u fl-iqsar żmien possibbli.