Sport Waterpolo

L-Italja turi l-qawwa tagħha fil-logħba tal-ftuħ tat-tournament tal-Milied

Jake Muscat b'tentattiv lejn il-lasta Taljana (Ritratt: Timmy Cutugno)

Stewart Said

MALTA……………… 6

ITALJA…………….. 23

(1-4), (1-7), (3-5), (1-7)

Id-differenza fil-kwalità bejn iż-żewġ nazzjonijiet kienet evidenti sa minn qabel il-bidu tal-logħba u għaldaqstant ir-riżultat finali mhux sorpriża. Għat-tim Malti, dawn il-logħbiet għandhom iwasslu għall-għażla finali tal-kowċ Milan Cirovic.

Din hi l-ewwel logħba minn tournament li qed isir f’pajjiżna bi preparazzjoni għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li se jsir ġimgħa oħra fil-Kroazja. It-timijiet l-oħra huma Olanda u Franza.

Fit-tim Taljan immexxi minn Sandro Campagna, diversi uċuh familjari li kienu preżenti fl-aħħar Kampjonat Ewropew għalkemm Echenique u Edoardo Di Somma fost l-oħrajn ma kinux fit-tim.

L-Italja fetħet bl-aħjar mod possibbli bi tliet gowls fl-ewwel tliet minuti li wasslu biex il-kowċ ta’ Malta Milan Cirovic isejjaħ time-out u jipprova jwaqqaf ir-ritmu li bdew bih l-avversaji. Sam Gialanze naqqas id-distakk sakemm Lorenzo Bruni daħħal lit-Taljani 4-1 minn fuq b’gowl qabel tmiem is-sessjoni.

Fit-tieni sessjoni, it-Taljani komplew fejn ħallew u reġgħu skorjaw b’mod konsekuttiv b’logħob veloċi li ħalla lill-Maltin statiċi. Jake Muscat naqqas id-distakk għal 10-2 b’konklużjoni mill-viċin sakemm fl-aħħar azzjoni tas-sessjoni, Vincenzo Dolce skorja t-tieni gowl personali minn man-up.

Minkejja r-rotazzjoni kontinwa tal-kowċ Taljan Sergio Campagna, l-Italja baqgħu xorta fil-kmand tal-konfront għalkemm it-tim Malti kien aktar fil-logħba. Wara doppjetta ta’ Tommaso Gianazza, Malta wieġbet b’gowl sabiħ ta’ Jeremy Abela u ieħor ta’ Matthias Azzopardi. Giacomo Canella u Luca Damonte komplew ikabbru l-vantaġġ tal-Italja, Liam Galea naqqas id-distakk u Jacopo Alesiani temm is-sessjoni 16-5.

L-istorja tal-ewwel tliet sessjonijiet ġiet ripetuta wkoll fl-aħħar sessjoni. Rotazzjoni kontinwa miż-żewġ kowċis, gowls kmieni u konsekuttivi u dominanza mill-Italja. Spikkaw Andrea Fondelli bi tripletta u l-captain Francesco Di Fulvio b’doppjetta. Għat-tim Malti skorja l-uniku gowl fis-sessjoni Jayden Cutajar minn man-up.

Malta: J. Tanti, A. Fenech, L. Galea (1), M. Castillo, S. Gialanze (1), B. Plumpton, J. Muscat (1), J. Cutajar (1), J. Abela (1), N. Zammit, D. Zammit, N. Bugelli, B, Busuttil, M. Azzopardi (1), J. Cachia

Italja: M. Del Lungo, F. Di Fulvio (3), L. Damonte (1), T. Giannazza (3), A. Fondelli (5), G. Cannella (4), M. Iocchi Gratta (1), A. Velotto, N. Presciutti (1), L. Bruni (1), J. Alesiani (2), V. Dolce (2), G. Nicosia

Referees: Massimo Angileri, Richard Magri